Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti b’akkużi ta’ romance fraud u ħasil ta’ flus

Wara li fi Frar illi għadda tressqu l-Qorti sitt persuni b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala romance fraud, komplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din l-iskema.

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u l-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment talInvestigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, arrestaw persuna oħra.

Mill-investigazzjonijiet illi sar rriżulta li l-vittma, mara ta’ 58 sena, daħlet f’relazzjoni virtwalima’ persuna li allega li huwa Malti-Awstraljan li kien qiegħed jgħix Malta, imma kellu jmur lura l-Awstralja.

Għaldaqstant, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ miegħu, hija ddepożitat eluf ta’ ewro f’kont bankarju. Iżda rriżulta li l-persuna li kienet qiegħda tirċievi l-flus ma kienx qiegħed jgħix l-Awstralja, iżda
Malta.

Wara li ġiet stabbilità r-residenza tiegħu, is-Sibt illi għadda, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 26 sena mill-Kosta tal-Avorju, f’appartament f’San Pawl il-Baħar.

Aktar kmieni illum, il-Pulizija ressqet b’arrest quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud lir-raġel ta’ 26 sena u ġie akkużat li kien involut fi skema ta’ frodi li wasslet għar-reat ta’ ħasil ta’ flus.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Karl Muscat, Sean Xerri de Caro u Abigail Caruana Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Ispettur Claire Borg mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomici.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u baqa’ taħt arrest preventiv.