Wara li l-media żvelat li l-ħabib tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana ingħata kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar fl-istess segretarjat tagħha, l-istess Ministru qed tevita li twieġeb jekk kinitx hi stess li approvat dan il-kuntratt.
Mistoqsija minn Net News minn approva dan il-kuntratt, il-Ministru dalgħodu qalet li hi titkellem biss “fil-fora opportuni”, u naqset milli twieġeb jekk kinitx tagħha id-daqqa ta’ pinna fuq dan il-kuntratt kontroversjali.
Daniel Bogdanovic, ftit tax-xhur ilu, ingħata kuntratt biex idur fl-iskejjel u jagħti pariri fil-qasam sportiv,fosthom biex ikun hemm titjib fl-iskola Nazzjonali tal-Isport. Dan minkejja li l-istess Bogdanovic ma jidhirx li għandu kwalifiċi fil-qasam edukattiv.
Il-Ministru Caruana baqgħet siekta anke wara li l-Prim Ministru waqqaf il-kuntratt tal-ħabib tagħha, xahar qabel l-iskadenza tiegħu. Iżda sal-lum, ħadd ma refa’ responsabbiltà politika ta’ din l-azzjoni li ġibdet kritika minn kulħadd – inkluż mill-canvassers tal-Ministri Anton Refalo u Clint Camilleri.
Bħal f’ħafna każi fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, Justyne Caruana jidher li mhi se ġġorr ebda tip ta’ responsabbiltà politika minkejja li meta waqqaf il-kuntratt, Robert Abela prattikament ammetta li dan kien kuntratt li qatt ma kellu jingħata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni lill-eks plejer tal-football.
Din l-azzjoni ġabet ukoll mewġa ta’ kritika enromi mill-professjonisti fil-qasam edukattiv, illi spjegaw kif dawn il-€5,000fix-xahar bla dubju li kienu jkunu ta’ għajnuna akbar kieku intefqu b’mod aktar għaqli.
//= $special ?>