Lokali Qorti

Missier u ibnu jiġu arrestati wara li nqabdu barra wara l-ħin u bla maskra meta suppost kienu ġewwa

Missier u iben ġew arrestati mill-ġdid wara li nqabdu barra f’ħin li suppost kellhom ikunu ġewwa u lanqas kienu lebsin maskra. Godwin Attard ta’ 51 sena mix-Xewkija u ibnu Kurt ta’ 18-il sena li jgħix ix-Xagħra nstabu ħatja li fil-11 ta’ Marzu li għadda, għall-ħabta tad-9.15 p.m. fl-inħawi tal-Port tal-Imġarr, meta suppost kienu ġewwa fuq ordni tal-Qorti.

Għaldaqstant b’dan l-aġir huma nstabu ħatja li naqsu li jħarsu l-kundizzjonijiet mogħtija mill-Maġistrat Simone Grech f’deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2020. Il-missier ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €5,500

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana rriżulta li żewġ pulizija li kienu qed jagħmlu r-ronda fl-inħawi tal-port, il-kuntistabbli Bjorn Sammut u Fabio Schembri, innutaw lill-missier mingħajr maskra u wara li qalulu jilbisha dan daħal f’karozza.

Meta ċċekkjaw mal-Għassa tar-Rabat sabu li l-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-vettura kienet ta’ Ingliż li jgħix il-Munxar. Wara li segwewh innutaw lilu u lil ibnu barra mill-karozza mingħajr maskra u tawhom ċitazzjoni.

Il-Qorti fliet ukoll il-kondotta tagħhom u fis-sentenza tagħha qalet li jidher li l-imputati għandhom problema li jobdu l-ordnijiet u li ma jiksrux il-liġi. Il-Qorti qalet li ma tistax ma tinnutax li l-missier, li huwa suppost il-persuna li tiggwida lill-ulied, f’dan il-każ huwa il-persuna li kkollabora ma’ ibnu sabiex il-liġi tinkiser.

Il-Qorti ordnat li d-depożitu ta’ €250 li l-imputati ddepożitaw għal libertà proviżorja jgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta u ordnat li jħallsu wkoll il-garanzija personali €4,000.

Il-missier waħdu instab ħati wkoll li saq vettura bla liċenzja valida u bla polza tal-assikurazzjoni valida kif ukoll uża pjanċa tar-reġitrazzjoni li mhux tal-vettura.

Il-Maġistrat Sultana sabet lill-missier u lill-iben ħatja li kisru l-kundizzjonijiet ta’ rinkażar jiġifieri li kellhom ikunu ġewwa darhom fil-ħin li nstabu barra.

Lill-missier ma sabitux ħati li kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Maġistrat Monica Vella imma sabitu ħati tal-bqija tal-akkużi u mmultatu €5,500. Huwa kellu wkoll il-liċenzja tal-karozza skwalifata għall-perjodu ta’ sitt xhur.

Waqt li ordnat l-arrest mill-ġdid tagħhom, il-Maġistrat Sultana rrimarkat li l-missier minflok iggwida lil ibnu kien il-persuna li kkollabora miegħu sabiex jikser il-liġi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.