Lokali Parlament

Nuqqasijiet fl-iskejjel tal-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Qawra

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li li hemm diversi nuqqasijiet fl-iskejjel tal-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Qawra.

Fl-Aġġornament Robert Cutajar qal li kien ippreżenta numru ta’ kotba lill-iskejjel tat-12-il distrett u sostna li l-estenzjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa mhix se tkun qed tuża l-massimu tal-ispazju.

Hu appella biex il-post ikun massimizzat u rringrazzja lill-Mellieħa Sports Club biex partijiet mill-faċilitajiet jintużaw bħala annex għaliex kieku hemm nuqqasijiet ta’ sitt klassijiet.

Dak li qabel kien gym fl-iskola tal-Mellieħa issa nbidel ukoll fi klassi. Jeħtieġ li l-eżerċizzju fiżiku jingħata l-attenzjoni. L-iskola primarja tal-Mellieħa issa kienet trasformata wkoll f’numru ta’ klassijiet biex issa l-iskola spiċċat bla sala.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pjan kien li l-iskola jkollha parkeġġ biex tissolva l-problema ta’ Triq Borg Olivier għaliex din hi problema kbira iżda issa jidher li għad m’hemmx applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Fl-annex hemm problema b’riskju ta’ traġedja minħabba l-ammont ta’ karozzi li jgħaddu minn hemm. Il-proposta li kien għamel biex isiru miżuri ta kontrolli tat-traffiku ma kinitx aċċetta; jeħtieġ li din il-problema tissolva kemm jista’ jkun malajr.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-iskejjel f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra u qal li l-containers li kienu qed jintużaw fl-iskejjel għadhom hemm fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Hu appella biex il-ġnien li ħdejn l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar ikun irranġat għax fih ħafna nuqqasijiet.

Dwar l-iskola tal-Qawra, Robert Cutajar qal li għad hemm nuqqasijiet mill-kunsill biex l-parkeġġ jibqa’ jintuża mir-residenti. Is-sala ta’ din l-iskola għadha mhix lesta. Hu semma’ l-middle school tan-Naxxar fejn hemm diversi nuqqasijiet fosthom nuqqas ta’ lift, nuqqasijiet fis-sistema tad-drenaġġ u nuqqas ta’ persuni fil-manutenzjoni tal-iskola.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm ilmenti minn qraba ta’ residenti ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa fejn kien ingħalaq iċ-Ċentru għal Matul il-Jum minħabba l-COVID.

Hu qal li qed ikun possibbli li kun hemm żjarat ta’ darba fil-ġimgħa biss bħala żjarat mill-familjari tar-residenti; kien hemm straġi fl-organizzazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid taż-żjarat tal-familjari llum.