Lokali

Pressjoni mill-għaqdiet u l-każini fuq il-Gvern

Li kieku ma kienx għall-intervent tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, il-Gvern kien jispiċċa ma jikkonsultax mal-għaqdiet fis-settur.

Hekk stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Mauro Pace Parascandalo f’kumment lil NET News, wara li għexieren ta’ organizzazzjonijiet volontarji appellaw lill-Gvern biex jirtira l-Avviż Legali li kien se jfisser żieda qawwija ta’ xogħol, minkejja li dawn jitmexxew minn nies voluntieri.

F’Lulju tas-sena li għaddiet, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat kien diġà ġibed l-attenzjoni – fi stqarrija – li ma ngħatax biżżejjed żmien jikkonsulta mal-għaqdiet fis-settur.

Issa li għexieren ta’ organizzazzjonijiet ikkritikaw lill-Gvern għall-mod kif baqa’ ma kkonsultax magħhom, is-Sibt prova jbiddel id-diska…u qal li se jkun qed isegwi mill-qrib il-proposti tas-settur.

Iżda jidher li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni wara li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat organizza erba’ laqgħat virtwali – li matulhom ipparteċipaw kważi 200 għaqda – biex ikun ippreparat rapport bi proposti.

Filwaqt li tenna li jaqbel mal-importanza li jkun hemm trasparenza u kontabbiltà f’dan is-settur ukoll, Mauro Pace Parascandalo wiegħed l-appoġġ tiegħu u tal-membri tal-Kunsill biex il-ħidma tal-organizzazzjonijiet volontarji ma tkunx imxekkla b’nuqqas ta’ prattiċità u b’aktar piż ta’ spejjeż u bżonn ta’ aktar riżorsa.

Tags