Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €800 wara li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq kuntistabbli

Raġel ta’ 36 sena minn Bormla ġie kundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sitt xhur u mmultat €800 mill-Maġistrat Claire Staftace Zammit wara li nstab ħati li hedded żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija u li fera ħafif wieħed minnhom.

Huwa nstab ħati li wettaq dan ir-reat fl-14 ta’ Marzu 2015, fi Triq ix-Xatt ta Bormla, għall- ħabta ta bejn is-2.00am u s-2.30am.  Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Josric Mifsud, kienet qalet li Felix Barbara ħebb għall-Pulizijali kienu marru biex jikkalmaw argument bejn Barbara u persuna oħra.

Huwa nstab ħati wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, iżda ma nstabx ħati li sar reċidiv.  It-tabib Mario Abela qal li kien eżamina lill-kuntistabblu Jean Paul Young fil-Poliklinika ta’ Raħal Gdid fejn dan kien qed isofri minn dbenġila u nefħa fuq is-sieq tal-lemin fuq in-naha ta’ ġewwa.

Minn naħa tiegħu l-kuntistabbli Young qal li dakinhar tal-inċident rċieva telefonata minn ‘Three Cities Jewellery’ fejn gie nfurmat li kien hemm alarm li kienet ġiet attivata. Meta mar fuq il-post mas-Surġent Arthur Rizzo, dawn lemħu vettura Mercedes fejn fiha kien hemm tliet persuni jargumentaw.

Indunaw li fil-vettura kien hemm Felix Barbara, li flimkien ma’ sieħbu Kevin Grima kienu qed jargumentaw ma’ certu Shaun Grech. Ix-xhud qal li żamm lil Grech u beda jmexxih lejn l-Għassa meta fil-ftattemp beda jisma’ lill-imputat jargumenta mas-Surġent u beda jgħid xi diskors dispreġjattiv bħal “intom imbarazz” u “halluni kwiet”.

Fil-pront l-imputat u Kevin Grima rnexxielhom jiżgiċċaw lejn id-direzzjoni tax-xhud u ta’ Shaun Grech u reġgħu bdew jagħtu bl-idejn. Kien hawn illi l-kuntistabbli qal illi ħareġ il-‘pepper spray’ u sprejja ġo nofshom.

Ix-xhud qal ukoll illi minħabba li l-‘pepper spray’ beda jagħmel effett qabad lil Shaun Grech u ħadu l-għassa fejn hemmhekk ġie mitkellem minn kollega tiegħu u dan reġa’ mar ħdejn is-Surġent sabiex jgħinu jikkalmaw is-sitwazzjoni, iżda l-imputat baqa’ jkun aggressiv lejhom u hemmhekk immanettjawh u arrestawh.

Il-kuntistabbli qal li l-imputat ma kienx f’sikktu dak il-ħin tal-inċident u dan għaliex l-għada meta reħa’ mar ikellmu, u dan l-anqas biss għarfu. Qal ukoll li l-għada ħass uġiegh f’siequ u mar il-Poliklinika ta’ Raħal Ġdid sabiex jagħmel ċertifkat mediku.

Is-Surġent Arthur Rizzo ikkonferma dak li kien xehed il-kollega tiegħu iżda qal ukoll li meta waslu fuq il-post u raw l-argument setghħ jinnutaw li l-imputat kien aġitat ħafna tant li sieħbu Kevin Grima beda jitlobhom sabiex jikkalmawh u dan anke peress illi kellu riħa qawwija ta’ xorb.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li peress li l-imputat skuża ruħu għal dak li ġara u saħansitra minn dakinhar ’il hawn ikkomporta ruħu dejjem bir-rispett lejn dawn l-uffiċjali tal-pulizija, dan l-aġir kien rifless fil-piena.