Kunsilli Lokali Lokali

Sospiż ix-xogħol fuq il-pont pedonali f’Birkirkara wara appell mill-Kunsilliera tal-PN

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara, innotaw b’sodisfazzjon li Infrastructure Malta qed tissospendi l-applikazzjoni tagħha biex jinbena Pont Pedonali fi Triq il-Wied Birkirkara. Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jqisu li din hija rebħa għall-konservazzjoni taċ-Ċentru Urban ta’ Birkirkara, għar-residenti Karkariżi u għall-wirt kulturali u awtentiku taż-żona. Ġie spjegat li, “Huwa evidenti li Infrastructure Malta kienet qed tmur kontra s-Central Malta Local Plan minħabba li dan il-proġett propost ma josservax il-fatt li Triq il-Wied hija: Urban Conservation Area, iċ-Ċentru Primarju tar-Raħal kif ukoll Żona bi ħtieġa ta’ immaniġġjar aħjar b’miżuri ta’ tnaqqis ta’ traffiku.”

Fi stqarrija l-Kunsilliera Justin Schembri, Antoine Attard, John MIzzi, Marie Claire Zammit u Francis Pullicino spjegaw li l-proposta mressqa minn Infrastructure Malta ma tqisx dawn il-kunċetti fil-fatt li ma tirrispettax il-karatteristiċi tal-lokalità kemm f’inkwantu ta’ stil, disinn u massività flimkien mal-aspett soċjoekonomiku, arkitettoniku u kulturali.

Huma saħqu li huwa evidenti li dan mhux proġett għall-Karkariżi għaliex il-Karkariżi fil-maġġoranza assoluta tagħhom ma jridux dan il-pont, imma huwa proġett ta’ konvenjenza għall-vetturi u proġett li jinkoraġġixxi t-traffiku mexxej minflok ma jsib bilanċ bejn in-nies li jagħmlu użu miċ-ċentru b’mod pedonali u t-traffiku lokali.

“Dan imur kontra t-Transport Strategy tal-2016 li tirrimarka dwar l-importanza ta’ tnaqqis ta’ vetturi fiċ-Ċentri tal-irħula li għandhom jinkoraġġixxu riġenerazzjoni sostenibbli u jkunu msaħħa fil-karattru u d-dehra speċifika tagħhom.”

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara nnotaw li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissapportjaw inizjattivi minn aġenziji pubbliċi u s-settur privat li jistgħu jikkontribwixxu għal titjib fl-ambjent estern taċ-Ċentru tar-Raħal u jinkoraġġixxu l-attrazzjoni għalihom bħala żoni għall-komunità u l-kummerċ billi jitressqu proposti għal skemi ta’ pedonalizzazzjoni propizji, skemi ta’ tisbiħ u immaniġġjar ta’ traffiku biex iż-żona tkun tan-nies aktar milli tal-vetturi.

Infrastructure Malta kellha laqgħa skedata mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għal nhar it-Tnejn 12 ta’ April wara l-approvazzjoni ta’ mozzjoni mressqa mill-Minority Leader Justin Schembri bl-appoġġ tal-Kunsilliera Nazzjonalisti kollha.