Lokali

Tlieta arrestati b’rabta ma’ traffikar ta’ droga

Tliet persuni ġew arrestati f’żewġ operazzjonijiet separati mwettqa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Fl-ewwel każ, żagħżugħ mill-Ħamrun ġie arrestat tul il-jum tal-Ħadd f’Ħal Qormi meta wara li saret l-osservazzjoni meħtieġa, il-Pulizija ċċrikondaw il-vettura li kien qed isuq is-suspettat ta’ 23 sena fi Vjal De La Cruz.

Filwaqt li ż-żagħżugħ prova jaħrab minn fuq il-post bil-konsegwenza li saħansitra ħabat f’vettura tal-Pulizija, huwa ġie arrestat filwaqt li sussegwentament twettqet tfittxija fil-karozza tiegħu fejn instabu 230 pakkett allegatament droga – lesta sabiex tiġi traffikata.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Josette Demicoli.

Dan filwaqt li fit-tieni operazzjoni li twettqet kmieni t-Tnejn filgħodu, żagħżugħ ta’ 29 sena minn Bormla kien arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ droga hekk kif l-uffiċjali tal-Pulizija pprovaw iwaqqfuh f’Ħaż-Żabbar madanakollu dan ħarab bil-karozza fid-direzzjoni tal-Fgura fejn sussegwentament ġie mblokkat mill-Pulizija fi Vjal il-Kottoner.

Filwaqt li l-Bormliż ħabat ma karozza tal-Pulizija u żewġ vetturi privati huwa kien arrestat u wara li saret tfittxija fil-vettura tiegħu nstab  ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Sadanittant, il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, flimkien ma’ dawk tal-Iskwadra kontra d-Droga għamlu tfittxija f’dar fi Triq San Mikiel, f’Bormla fejn instab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti…u sussegwentament ġie arrestat raġel ta’ 66 sena.

Filwaqt li t-tlett persuni qed jinżammu fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana, bil-każi ġiet infurmata l-Maġistrat Joe Mifsud li fetaħ inkjesta maġisterjali.