Sport Sport Ieħor

Turin u Innsbruck jingħaqdu ma’ Madrid fl-organizazzjoni tal-fażi finali tat-Tazza Davis

Turin u Innsbruck ingħaqdu ma’ Madrid fl-organizazzjoni tal-fażi finali tat-Tazza Davis ta’ din is-sena, li għandhom jibdew fil-25 ta’ Novembru. Fl-2020 il-finali kienu posposti minħabba l-coronavirus sabiex din is-sena l-istess 18 il-pajjiż ser jieħdu sehem fil-fażi finali. Il-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis ħabbret li l-logħob se jsir fuq medda ta’ ħdax il-ġurnata minn flok f’sebat ijiem. Kull belt se torganizza tnejn mis-sitt gruppi. F’Madrid se jintlgħab Grupp A li fiħ hemm Spanja, Russja u Ekwador. Fi Grupp B hemm il-Kanada, runners-up fl-2019, Kazakhstan u l-Iżvezja.

Ir-Renju Unit ser ikun fi Grupp C flimkien ma’ Franza u r-Repubblika Ċeka bil-partiti jsiru f’Innsbruck fl-Awstrija fejn ser jintrlgħab wkoll grupp F li fih hemm l-Awstrija, Serbija u l-Germanja. Turin ser torganizza Grupp D bl-Awstralja, Kroazja u Ungerija kif wkoll Grupp E li jiġbor fiħ l-Istati Uniti, Italja u Kolumbja. Innsbruck u Turin ser jorganizzaw kwarti finali kull wieħed filwaqt li żewġ kwarti finali jsiru f’Madrid flimkien mas-semi finali u l-finali li għandha tintlgħab fil-5 ta’ Dicembru. Glasgow kienet waħda mill-bliet li kienet interessata li torganizza l-fażi finali bil-Lawn Tennis Association tħabbar li l-għażla saret biex jikber l-interess fost l-ispettaturi li jaraw lit-tim ta’ pajjiżhom jilgħab fil-belt rispettiva. Il-kategorija tal-irġiel tat-Tazza Davis li ilha ssir għal 121 sena mill-2019 tiġbor fiha finali bi 18 il-tim bl-aħħar edizzjoni mirbuħa minn Rafael Nadal. Madankollu mill-2022 in-numru ta’ pajjiżi finalisti għandu jitnaqqas għal sittax.