Lokali

Żmien ta’ deċiżjonijiet mingħajr biża’ jew favuri – Bernard Grech

Wara t-tiġdid li sar fil-Partit Nazzjonalista, issa wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet mingħajr biża’ jew favuri.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kumment imxandar matul il-programm NET Live, b’reazzjoni għall-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li kienu ppubblikati f’żewġ gazzetti lokali l-Ħadd.

Bernard Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista, dawn is-surveys kienu inkoraġġjanti, hekk kif juru tnaqqis fid-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi. Hu nsista li l-Partit għadu ma wasalx, għalkemm hu sodisfatt li l-poplu qed jibgħat messaġġ li jrid iħares lejn il-Partit Nazzjonalista u qed jieħu pjaċir bit-tiġdid li sar s’issa.

Mis-surveys ħareġ ċar li dawk il-persuni li ma jafux kif se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, jew li qalu li mhux se jivvutaw, qed jonqsu. Dan juri li l-votanti qed jibdew jiddeċiedu x’se jagħmlu fl-elezzjoni ġenerali, bid-differenza fin-numru assolut ta’ voti hi l-aktar waħda baxxa u ftit aħjar minn Ġunju 2017.

Bernard Grech igawdi aktar fiduċja minn Robert Abela fir-reġjun tat-Tramuntana, li jinkludi l-Għargħur, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Hawn, hu jgawdi fiduċja ta’ aktar minn 55% kontra l-31% li jgawdi Robert Abela.