Aktar dewmien fil-Qrati tal-ġustizzja minħabba l-inerzja tal-Ministeru tal-Ġustizzja li ma ħax il-miżuri li kienu meħtieġa fi żmien il-pandemija
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Prim Imħallef din il-ġimgħa ġedded id-direttiva tiegħu li sal-aħħar t’April kawżi mhux urġenti jiġu differiti għal data oħra. Fl-istess waqt, il-Kamra tal-Avukati żammet fis-seħħ id-direttiva lill-membri tagħha sabiex ma jassistux f’kawżi peress li l-avukati għadhom ma tlaqmux kontra l-COVID-19. Dan kollu se jagħti lok għal aktar dewmien fil-kawżi, dewmien li f’sitwazzjonijiet delikati bħalma huma kawżi tal-familja jista’ jkollu konsegwenzi ferm gravi.
Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnotax li tlettax-il xahar minn mindu bdiet il-pandemija, l-amministrazzjoni tal-Qorti għadha ma rnexxilhiex timplimenta sistema sabiex l-atti tal-Qorti jiġu ppreżentati elettronikament. Tali sistema kienet tnaqqas bil-kbir il-ħtieġa ta’ ħafna nies imorru l-Qorti. Minflok, illum l-avukati jqattgħu ħin twil jistennew sabiex jidħlu fir-Reġistru tal-Qorti, l-aċċess tal-prokuraturi legali għar-reġistru huwa limitat u l-pubbliku inġenerali ma jistgħux imur ir-reġistru u dan kontra dak li tgħid il-liġi. Dan b’differenza ta’ entitajiet pubbliċi oħra bħar-Reġistru tal-Kumpaniji, l-Awtorità tad-Djar u l-Awtorità tad-Ippjanar fejn id-dokumenti kollha jiġu sottomessi onlajn.
L-istess nuqqas ta’ inizjattiva tidher mill-fatt li s’issa l-maġġorparti tas-seduti tal-Qorti mhumiex jinżammu onlajn. Huma ħafna dawk is-seduti li jistgħu jinżammu onlajn mingħajr problemi ta’ xejn u anke x-xhieda tista’ tinġabar onlajn jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Imma minflok ma jsir hekk, il-Qorti issa qegħda fit-tieni lockdown tagħha b’attivita’ mill-anqas.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja ukoll wera nuqqas ta’ inizjattiva meta m’assigurax li l-impjegati tal-Qorti, b’differenza ta’ impjegati ta’ entitajiet oħra, jitlaqmu. Kien ikun ukoll opportun li anke l-avukati u prokuraturi legali li jiffrekwentaw il-Qorti jitlaqmu.
Minħabba dawn in-nuqqasijiet serji tal-Ministeru tal-Ġustizzja, l-poplu se jbati minn aktar dewmien sabiex titwettaq il-ġustizzja miegħu.
Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, Joseph Ellis.
//= $special ?>