Futbol Sport

Bejn illejla u għada jsiru magħrufa s-semifinalisti tal-UEFA Champions League

Bejn illejla u għada jsiru magħrufa s-semifinalisti tal-UEFA Champions League hekk kif jintlagħbu t-tieni legs tal-kwartifinali.

F’Parc des Princes, PSG jilgħabu kontra Bayern Munich, bit-tim Franċiż jinsab fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 3-2. PSG huma l-ewwel tim li rnexxielhom jegħlbu lil Bayern Munich fi 17-il partita taħt il-kowċ Hansi Flick.

Chelsea jinsabu sieq ġewwa fis-semifinali meta jilgħabu t-tieni leg kontra Porto b’vantaġġ ta’ 2-0. Chelsea għadhom mhux megħluba dan l-istaġun fil-UEFA Champions League fejn rebħu seba’ partiti u ġew draw tnejn.

Għada, f’Anfield, Liverpool se jkunu qed ifitxxu li jwettqu rimonta hekk kif fl-ewwel leg fi Spanja tilfu 3-1 kontra Real Madrid. Fit-13-il konfront preċidenti fejn Liverpool kienu qed jitilfu b’żewġ gowls jew aktar, irnexxielhom javvanzaw għar-round li jmiss f’darbtejn, bl-aktar konfront riċenti jkun dak tal-istaġun 2018-19 kontra Barcelona.

L-aktar konfront li jidher bilanċjat hu dak bejn Borussia Dortmund u Manchester City, bit-tim ta’ Pep Guardiola għandu vantaġġ minimu ta’ 2-1. Fil-partiti preċidenti, Dortmund tilfu l-aħħar żewġ partiti kontra avversarji minn l-Ingilterra.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Illum: PSG v Bayern Munich 9.00pm, Chelsea v Porto 9.00pm Għada: Liverpool v Real Madrid 9.00pm, Borussia Dortmund v Manchester City 9.00pm