Lokali

Bernard Grech f’laqgħa mal-MPA

Waqt laqgħa li kellu mall-Assoċjazzoni tal-Puliżija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech esprima l-appreżament tiegħu lejn il-ħidma siewja tal-Korp tal-Puliżija, filwaqt li saħaq illi dawk il-membri li jiddeċiedu li jibqgħu fil-Korp tal-Puliżija wara li jagħlqu il-25 sena serviżż, għandhom jingħataw benefiċċju addiżjonali mal-paga tagħhom, sabiex b’hekk jiġu mħeġġa jibqgħu javvanżaw fil-kariga tagħhom u jkomplu jagħtu s-serviżż lill-poplu Malti.

Din l-emenda fil-pensjoni tal-Pulizija għandha ssir ukoll sabiex l-esperjenża li wieħed ikun kiseb bħala membru tal-Korp tal-Pulizija ma tintilifx fix-xejn.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami żied jgħid li din l-emenda diġa’ kienet tressqet fil-programm Elletorali tal-PN tas-sena 2017, iżda qatt daħlet fis-seħħ.

Mid-data miġbura minnu, jidher li bħalissa l-membri tal-Korp tal-Pulizija jammontaw għall 2,300 persuna. Jidher ukoll illi fi żmien tlett snin, madwar 300 membru tal-korp tal-Pulizija jkunu għalqu l-25 sena servizz, u għalhekk jekk persentaġġ tajjeb jibqgħu jaħdmu fil-Korp tal-Pulizija, madwar 10 fil-mija tal-Korp jkun magħmul minn membri li jkunu għalqu 25 sena serviżż.

Għalhekk, din l-emenda hija partikolarment importanti u għandha tiddaħħal minnufiħ.

Preżenti għal din il-laqgħa mill-MPA kien hemm il-President Alexander Schembri, is-segretarju ġenerali Marlon Hili u s-segretarju Eżekuttiv Neville Mercieca.