Internazzjonali

Covid-19: Il-pubs jerġgħu jieħdu r-ruħ, bil-ħajja fl-Ingilterra qed tirritorna għan-normal

Fl-aħħar sigħat kien hemm ‘splużjoni’ ta’ attività fil-pubs u r-ristoranti tal-Ingilterra li mill-ġdid kienu pakkjati bi klijenti jiċċelebraw l-ewwel xarba mal-ħbieb wara 97 jum ta’ lockdown u restrizzjonijiet.

F’Londra, l-inħawi ta’ Soho u l-West End kienu xena waħda ta’ attività, ċelebrazzjoni u briju, bit-toroq jingħalqu għan-nies biex igawdu mill-ġdid l-ikliet al fresco u xarba birra tajba f’’sitwazzjoni ta’ normalità’.

Din l-attività reġgħet saret possibbli fl-Ingilterra għall-ewwel darba mindu beda l-lockdown fil-pajjiż fil-5 ta’ Jannar. Fil-fatt, l-istennija kienet jerġa’ akbar għan-nies li f’Diċembru li għadda kienu kostretti jgħixu taħt ir-restrizzjonijiet riġidi ta’ tier (livell) 4.

U minkejja l-inżul ta’ borra f’xi bnadi tal-Ingilterra, in-nies xorta waħda għażlu li jisfidaw l-elementi biex iduqu mill-ġdid il-ħajja fil-pubs u r-ristoranti fost iċ-ċelebrazzjoni ‘ta’ libertà ġdida’.

Fl-istess ħin, il-ħwienet li mhumiex essenzjali, flimkien mal-ħwienet tax-xagħar, il-gymnasiums, iz-zoos u stabbilimenti oħra  fetħu wkoll mill-ġdid fl-Ingilterra.

Sadanittant, fl-Irlanda ta’ Fuq tneħħiet id-direttiva ‘stay-at-home’ (ibqgħu ġewwa) għar-residenti — bl-Iskozja u Wales ikomplu jnaqqsu r-regoli tal-Covid għaċ-ċittadini tagħhom.