Il-Union tal-Edukaturi Professjonali ġiet infurmata dwar il-pjan li qed isir mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fir-rigward tas-suġġett tal-Edukazzjoni Fiżika fil-livelli kollha fl-iskejjel.
Fi stqarrija l-UPE qalet li l-implikazzjonijiet tal-manuvri ppreżentati, jekk jiġu implimentati, se jdgħajfu s-seniority tal-edukaturi kif ukoll li jħallu impatt negattiv fuq l-iskjerament tagħhom fi ħdan il-kulleġġi u l-iskejjel. L-unjoni bl-ebda mod ma tista’ taċċetta li dawn il-manuvri jitpoġġew fis-seħħ għad-detriment tal-edukaturi li, sal-lum, offrew servizz imprezzabbli.
Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu, il-Upe ħarġet numru ta’ direttivi għal dawn l-għalliema fosthom:
- L-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika li jaħdmu fl-Iskejjel tal-Istat u li huma membri tal-UPE m’għandhom jimplimentaw l-ebda LOs ġodda li jistgħu jiġu ppreżentati, iżda għandhom jaderixxu ma’ dawk li bħalissa huma fis-seħħ u li ilhom hekk għal dawn l-aħħar sentejn u tliet snin.
- L-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika li huma membri tal-UPE għandhom joqogħdu lura milli jipprovdu feedback dwar l-OP li jwassal għal-livelli 1, 2 u 3 tal-MQF li jikkorrispondu għal-livelli tal-iskola Primarja, Medja u Sekondarja.