Kurżitajiet Lokali

Fi PROFILI John Magro jitkellem dwar is-suċċess tan-negozju u l-impatt tal-UE

Tul il-programm tal-bieraħ ta’ PROFILI, in-negozjant Għawdxi John Magro rrakonta mhux ħażin fuq kif mix-xejn, il-familja tiegħu llum għandha waħda mill-aktar negozji ta’ suċċess f’Malta u f’Għawdex.

Meta mistoqsi dwar kif id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea affetwa lill-kumpanija, huwa qal li huma antiċipaw id-dħul ta’ Malta fl-UE u fl-1995 sar investiment biex il-fabbrika tagħhom tkun tista’ tikkompeti mad-dħul ta’ Malta f’din l-Unjoni. Huwa li kieku ma sarx hekk kieku żgur il-kumpanija ma kinitx tkampa.

Bis-saħħa t’hekk huma fittxew li jkabbru n-negozju f’Malta, u anki ‘l bogħod minn xtutna, b’kummerċ ma’ 20 pajjiż ieħor, minn 4 kontinenti.

John Magro tkellem jirrakonta l-ħajja tiegħu f’Għawdex, kif il-familja ħarset minn investiment li sar għall-produzzjoni tal-ħalib, iddawru għall-produzzjoni tal-kunserva. L-inċentivi li taw biex jitkabbar it-tadam u kif illum qed iħarsu lejn is-suq.

“Change is a constant, u jekk se toqgħod tgħid li ma tistax tasal, ma tasalx, l-isfidi trid taffrontahom”

Fl-intervista John Magro ħares lejn il-bawxati li għamel fit-tfulija, u b’ċertu emozzjoni lissen kemm il-darba fuq l-importanza tal-familja, li wara kollox hija parti mis-suċċess tan-negozju.

Wieħed jista’ jara l-programm PROFILI hawnhekk.

PROFILI kull nhar ta’ Tnejn fid-8.45pm fuq Net Television.