Lokali

Fl-eqqel tal-pandemija: Aktar minn 25,000 talba għall-għajnuna lill-aġenzija Appoġġ

Il-pandemija ħalliet impatt imdaqqas, bl-aġenzija Appoġġ tissokta bil-ħidma tagħha biex tgħin lill-vittmi tal-abbuż

Il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum, iżda kien hemm uħud li dak kollu li ġab miegħu dan il-virus affetwah ferm aktar ħażin minn oħrajn, infatti matul l-aħħar xhur kien hemm żieda ta’ telefonati lill-aġenzija Appoġġ, b’talbiet varji għall-għajnuna jitilgħu għal aktar minn 25,000.

Net News tkellem ma’ Graziella Castillo, id-Direttur tal-aġenzija Appoġġ fejn qaltilna dwar l-isfidi li kien hawn fl-aħħar xhur, li minħabba l-imxija ħarġu aktar fil-beraħ, jew inħolqu aktar diffikultajiet biex ikunu affaċjati.

Graziella Castillo – Direttur tal-aġenzija Appoġġ

“Fuq il-179 rajna żieda wkoll, u bl-introduzzjoni tal-linja l-ġdid (1772), bejn Marzu u Diċembru kellna 10,000 oħra, jiġifieri qed nitkellmu fuq is-16,000 tal-179, iżda hemm 10,000 oħra li għamlu kuntatt magħna”

Dan ifisser li fl-aħħar xhur sa Diċembru 2020, kien hemm  mas-16,000 telefonata fuq in-numru 179, filwaqt li 10,000 telefonata fuq il-1772.

Sa Diċembru kien hemm 1,300 każ rapportati ta’ vjolenza domestika bl-imxija tħalli d-daqqa tagħha.

“Is-sena l-oħra kellna 1,300 ta’ każijiet ta’ vittmi li ċemplu għall-għajnuna ta’ vjolenza li kienet għaddejja, il-pandemija ma għenitx, kien hemm stress ġdid, kien hemm sitwazzjonijiet li n-nies li tilfu xogħol, tfal baqgħu d-dar – sitwazzjonijiet li jafu li eskalaw il-każijiet”

Meta saqsejniha dwar min jagħmel rapporti ta’ vjolenza domestika, Graziella Castillo qaltilna li mhux dejjem il-vittma tagħmel ir-rapport.

“Kemm vittmi li jċemplu, iżda anki qraba u ġirien li ċemplu, professjonijie diversit, tobba, pulizija…. hemm varjeta ta’ nies li qed iċemplu” 

Graziella Castillo qaltilna li l-ħidma mill-Aġenzija Appoġġ baqgħet għaddejja b’mod professjonali, akkost anki l-limitazzjonijiet li l-Coronavirus ġab fuq dan is-settur, meta saqsejinha jekk hemm xi stħarriġ dwar l-impatt fuq is-saħħa mentali li l-Covid ħalla fuq il-vittmi, hija qaltilna li l-indikazzjonijiet qed juru li nħolqu sitwazzjonijiet ġodda.

“Riċerka f’idi kompluta preżentament m’għandix, pero l-ħaddiema soċjali raw prassi soċjali ġodda fejn is-saħħa mentali marret ftit aktar lura, bosta nqatgħu minn mal-familjari tagħhom, kellna każijiet hekk. Kien hemm każijiet fejn il-vittmi xtaqu jċemplu u ma setgħux, għax kien hemm theddid fid-dar tagħhom. Żgur li ‘l quddiem se nkunu nistgħu nsaħħu l-istħarriġ tagħna biex ikollna ċ-ċifri f’idejna u nkomplu l-istudji u l-ħidma tagħna”

Id-Direttur tal-Appoġġ qalet li fl-aħħar xhur, minħabba s-sitwazzjoni tal-Coronavirus żdiedu l-każijiet tas-Cyberbullying, u infatti minħabba f’hekk issaħħet il-ħidma fuq l-inizjattiva BeSmartOnline, biex ikun hemm aktar għarfien fuq il-bullying onlajn.  

Mn-naħa tagħha, Graziella Castillo appellat għal darba darbtejn biex dawk li qed isofru minn vjolenza ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna, għax is-servizz tagħhom baqa’ fis-seħħ, u baqa’ għaddej b’mod professjonali.

Wieħed jista’ jitlob l-għajnuna billi jċempel fuq in-numru 179  jew 1772.