Lokali

Is-sitwazzjoni fil-Pitkalija mhux sostenibbli

Il-problema tal-pitkalija għadha hemm u bħalissa il-pitkalija qed timxi b’mod ta’ emerġenza bi proċeduri li huma kollha temporanji. Din hi sitwazzjoni li ħafna qed jiddeskrivuha bħala waħda mhux sostenibbli.

Bdiewa, xerreja u pitkala jixtiequ li jkunu jistgħu jaħdmu b’mod normali, għaliex bis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa qed jispiċċaw imorru minn taħt hekk kif anke qed ikun hemm min ikollu jarmi l-prodotti tiegħu jew ibiegħ bi prezzijiet ħafna inqas. Dan id-diżgwit inħoloq wara li l-Gvern naqas milli jwettaq ir-riforma meħtieġa fil-Pitkalija. Dwar din is-sitwazzjoni, Net News tkellem mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja Edwin Vassallo li appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni minnufiħ.

Il-bdiewa qed jappellaw biex din is-sitwazzjoni tissolva f’qasir żmien biex il-prodott tal-ħaxix u l-frott ma jkunx qed jieħu daqqa fl-istaġun tar-Rebbiegħa, li huwa wara kollox l-aktar staġun produttiv għas-settur tal-agrikoltura.