Internazzjonali Lokali

Iż-żewġt iswaba’ tal-Prinċep Philip kienu sinjal lid-dinja għall-wasla tat-tieni tarbija?

Ritratt tal-fotografu Malti Frank Attard iqajjem interess fil-midja Ingliża

Ritratt storiku u partikolari meħud fl-1950 mill-fotografu magħruf Malti Frank Attard, qanqal interess kbir fil-midja Ingliża u l-Ħadd li għadda kien sab ruħu jiddomina l-paġna ta’ quddiem tas-Sunday Daily Mail u mbagħad l-aħbar kienet segwita f’midja oħra fil-pajjiż.

Il-Prinċipessa Anne twieldet – fil-fatt – ħames xhur wara s-sinjal biż-żewġ swaba’ tal-Prinċep Philip

Ir-ritratt, li Frank Attard kien ġibed lill-koppja rjali proprju fir-residenza tagħhom fi Gwardamanġa fil-perjodu li kienu f’Malta bejn l-1949 u l-1951, juri lill-Prinċep Philip joħroġ żewġt iswaba’ (immarkati b’ċirku) li ħafna, wara, interpretawh bħala sinjal lid-dinja li t-tieni tarbija tagħhom, li kellha tkun il-Prinċipessa Anne, kienet fi triqtha lejn din id-dinja. Fil-fatt Anna twieldet ħames xhur wara li ttieħed dak ir-ritratt, meħud waqt li martu Eliżabetta kellha erba’ xhur tqala.

Il-Prinċipessa Eliżabetta kienet inkurunata Reġina tal-Ingilterra tliet snin wara, fl-1953.

Kuntatt minn The Mail on Sunday, Frank Attard, li llum għandu 93 sena, qal li l-Prinċep Philip ta dan is-sinjal immedjatament kif rah se jiġbed ir-ritratt. “Meta jiena bgħattu lill-midja Ingliża, dawn mill-ewwel interpretawh bħala sinjal li l-koppja kienu qed jistennew it-tieni tarbija tagħhom. Fil-fatt il-Prinċipessa Anne twieldet ħames xhur wara.”

Id-Duka ta’ Edinburgh dak iż-żmien kien jifforma parti mill-flotta tar-Royal Navy fil-Mediterran u martu kienet akkumpanjatu minħabba t-tul tal-impenn tiegħu waqt li binhom Charles kien baqa’ l-Ingilterra man-nanniet.

Ir-rabta tal-Prinċep Philip ma’ pajjiżna baqgħet tikber u l-fotografu Malti, mal-ġurnal Ingliż, esprima l-fehma tiegħu li ż-żmien li l-Prinċep għadda f’Malta flimkien ma’ martu Eliżabetta, “kienu l-isbaħ snin għall-koppja. Huma kienu popolari ħafna mal-Maltin, u hekk baqgħu sal-lum.”

Fost okkażjonijiet oħra li l-Prinċep Philip żar pajjiżna kien hemm il-jum storiku tal-21 ta’ Settembru 1964 fiċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali mal-kisba tal-Indipendenza u, aktar tard, għal aktar minn darba waqt il-laqgħat taċ-CHOGM.