Lokali Parlament

Jeħtieġ prijorità għall-familja biex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li jeħtieġ prijorità għall-familja biex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal.

Fil-parlament Edwin Vassallo tkellem fuq l-importanza tad-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-ġustizzja mal-adulti u sostna li l-pajjiż għandu jsaħħaħ il-familja, iż-żwieġ u t-tfal fil-pajjiż. L-aħjar li t-tfal jistgħu jgħixu hu mal-ġenituri tagħhom, sostna Edwin Vassallo, li tkellem fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-familja u taż-żwieġ fil-pajjiż.

Il-familja trid tissaħħaħ fil-ġlieda kontra l-faqar ukoll, sostna Edwin Vassallo, li kompla li d-dwejjaq tal-Qorti tal-Familja sar inevitabbli fis-soċjetà tal-lum. Hu qal li l-koppji miżżewġa li għandhom id-dejn qed jispiċċaw ma jkollhomx it-tieni wild; għalhekk għandhom isiru miżuri soċjali favur il-familja.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li r-rata tal-fertilità f’Malta hi baxxa ħafna fost il-pajjiżi tal-UE b’1.14 wild kull mara waqt li Franza għadhom madwar żewġ itfal kull mara. Iktar ma jkunx hawn familji stabbli, l-pajjiż iktar ikollu edukazzjoni u tfal li qed jgħixu b’mod stabbli.