Lokali Qorti

Jisraq lil ommu minħabba l-vizzju tad-droga

Raġel ta’ 38 sena minn Tas-Sliema nżamm taħt arrest preventiv wara li ammetta li seraq karozza, mutur u oġġetti oħra ta’ missieru li għadu kif miet, u dan biex isostni l-vizzju tad-droga.

Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta ommu, li sfat misruqa minn binha, tressaq quddiem il-maġistrat Donatelle Frendo Dimech mill-Ispettur Jessica Bezzina u ġie mixli b’serq aggravat.

Ir-raġel ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih fosthom li seraq ukoll żewġ settijiet tat-televiżjoni ta ’32 pulzier u tliet klieb, wieħed minnhom tar-razza Chihuahua, vażuni, statwi u għoddod li għal omm huma ferm sentimentali.

Ir-raġel, li ilu li ħareġ mill-ħabs xahar ġie arrestat wara li ommu għamlet rapport fl-għassa tal-pulizija. Fil-Qort, r-raġel mhux biss wieġeb ħati tal-akkużi, iżda skuża ruħu u qal ukoll li qed isofri minn dipressjoni.

“Taf li ommok imbikkma. Meta se trabbi l-għaqal u se tinduna li kull ma qiegħed tagħmel hu li tkompli tagħmel sinjuri li dawk li tawk id-droga, u li bħalissa għadhom jiġru barra.

Għandek ħajtek quddiemek, taħlijiex,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech li sostniet ukoll li r-raġel m’għandu bżonn xejn ħlief għajnuna. Il-qorti se tgħaddi għas-sentenza nhar it-Tlieta. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat filwaqt li l-Ispettur Jessica Bezzina mexxiet il-Prosekuzzjoni.