Lokali

Konferma li l-ġbir ta’ Diċembru kien ferm anqas milli tħabbar

Diversi maratoni li kienu organiżżati bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021 kellhom bżonn l-infrastruttura speċifika li toffri GO – infrastruttura li tlaqqa’ diversi teknoloġiji differenti flimkien biex dawn it-telethons ikunu jistgħu joperaw u tkun tista’ tidħol donazzjoni appena persuni iċċempel fuq in-numri provduti.

Fi stqarrija l-kumpanija ‘GO’ qalet li “għaldaqstant li ġara waqt dawn il-maratoni kien li żviluppat problema teknika li wasslet biex għadd ta’ donazzjonijiet imwegħda minn numri reġistrati ma’ GO, kienu reġistrati darbtejn.”

Din il-problema teknika kienet biss waħda marbuta mas-sistema li effettwat biss il-mod kif it-telefonati kienu reġistrati. Dan wassal biex donazzjonijiet li ġew minn numri tal-mobile reġistrati ma’ GO, iddaħħlu fis-sistema darbtejn. Għaldaqstant, l-ebda klijent ma ġie mitlub iħallas darbtejn għad-donazzjoni tiegħu. B’kollox, id-diskrepanza bejn l-ammonti rekordjati u ċ-ċifri attwali ta’ kemm fil-fatt inġabru, kienet ta’ madwar €1.4 miljun.

L-organiżżazzjonijiet ewlenin li kienu effettwati minn din l-anomalija ta’ darba kienu l-kampanja għall-Istrina organiżżata mill-MCCF, id-Dar tal-Providenza, il-Caritas Malta u ż-żewġ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi organiżżati miż-żewġ partiti politiċi ewlenin. L-ebda waħda minn dawn l-entitajiet ma kienet taf b’din il-problema teknika u kien fi Frar li għadda meta GO bdiet bl-eżerċizzju ta’ rikonċiljazzjoni li nstabet id-diskrepanza u l-entitajiet kienu kollha infurmati.

GO qalu li t-timijiet tekniċi tagħhom sabu x’wassal għal din l-anomalija u qed jimplimentaw il-miżuri kollha li hemm bżonn biex dan ma jerġax iseħħ. Huma qalu li qabel kull attività, jagħmlu ħafna testijiet tas-sistemi biex jaraw li kollox jaħdem sew. “Iżda xi kultant, tipprepara kemm tipprepara, qatt ma tista’ tantiċipa x’jista’ jmur ħażin.”

Il-kumpanija qalet li matul dawn l-aħħar ġimgħat, kienu f’kuntatt kontinwu mal-organiżżazzjonijiet kollha effettwati u qed jaraw kif jistgħu ikomplu jibqgħu jgħinu. “Jiddispjaċina ħafna għal dan l-inċident iżda niżguraw lill-pubbliku ġenerali li ħadd ma ntalab iħallas darbtejn tad-donazzjonijiet ġenerużi tagħhom,” temm jgħid il-kelliem ta’ GO.