Konferma, jekk qatt kien hemm bżonn, li l-Ministeru tat-Turiżmu, nesa għal kollox lil dawk kollha involuti fis-self-catering meta preżenta il-pjan għas-settur turistiku – pjan li ħalla barra kompletament lil ħafna negozji Għawdxin li joperaw f’dan is-settur.
Dan ikkonfermaħ magħna il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri meta kien qed iwiegeb domandi ta’ Net News.
Il-mistoqsijiet saru lill-Ministru Camilleri għaliex il-maġġorparti ta’ dan is-settur jinsab fil-gżira Għawdxija. U se jkun biss issa, wara li dawn intesew, li se tibda xi forma ta’ konsultazzjoni biex forsi tinstab soluzzjoni hekk kif il-Ministru qalilna li “għaddejin diskussjonijiet.” Bil-Ministru jkun reattiv, l-aktar wara l-kritika enormi li saret mill-Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA.
Dawn l-iżviluppi jikkonfermaw li l-Gvern nesa għal kollox lil dan is-settur tant importanti u li d-diskussjonijiet skattaw wara d-diżappunt li nħoloq meta saru jafu li kienu għal kollox minsija fil-pjan għat-turiżmu li vara l-Gvern fl-aħħar jiem.
Dan is-settur tas-self-catering hu popolari ferm f’Għawdex u jinkludi dawk il-persuni li jikru l-farmhouses, il-vilel u l-appartamenti lill-Maltin u lit-turisti li jżuru l-gżira Għawdxija matul is-sena kollha.
//= $special ?>