Lokali

“Fil-qasam tad-diżabbiltà ħadd m’għandu jibqa’ lura” – Bernard Grech

"Il-persuna tinsab fiċ-ċentru tal-politika tla-Partit Nazzjonalista"

“Għall-Partit Nazzjonalista l-persuna tinsab fiċ-ċentru tal-politika fejn kull individwu għandu d-dritt li javvanza.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu għamel żjara fil-bini tal-Inspire f’Marsascala. Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni David Agius. Mal-wasla tiegħhom huma huma ntlaqgħu mill-Kap Eżekuttiv tal-Inspire, Antonello Gauci.

Waqt din iż-żjara, Bernard Grech kellu l-opportunita li jara l-faċijilitajiet illi joffri l-Inspire kif ukoll l-possibiltà li jsegwu uħud mis-servizzi li jingħataw.

Din l-NGO toffri għajnuna ‘one to one’ lil persuni b’diżabbiltà fejn l-għan aħħari huwa li jkun hemm differenza fil-ħajja ta’ dawn il-persuni.

Fost is-servizzi li toffri l-Inspire hemm il-hydro therapy, l-ispeech u l-physiotherapy kif ukoll il-multi sensory therapy. Madwar 400 persuna li l-età tagħhom tvarja minn 5 snin sa’ 36 sena jagħmlu użu mis-servizzi li toffri l-Inspire.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem fehem l-importanza ta’ dawn is-servizzi li joffru dawn l-NGO’s. Huwa qal li dan is-settur huwa settur importanti ħafna hekk kif kull individwu għandu d-dritt li javvanza. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jżomm lill-persuna fiċ-ċentru tal-poliika tiegħu u nara li dawn is-servizzi li jingħtaw lil dawn il-persuni, jitjiebu u jiżdiedu.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen tassew li l-persuna tista’ tkompli tavvanza fejn anke fil-qasam tad-diżabbilta, ħadd m’għandu jibqa’ lura.

Il-Kap Eżekuttiv Antonello Gauci qal li s-sitwazzjoni tal-COVID ġabet sfidi kbar fejn għal diversi ġimgħat kellhom joffru s-servizzi tagħhom online. Għalkemm is-servizz huwa ferm differenti minn dak fiżiku, Gauci jispjega li kien hemm bżonn li dan is-servizz jingħata online peress li l-kontinwità hija importanti ferm għal dawn il-pazjenti. Huwa saħaq li s-sodisfazzjon tagħhom huwa li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn il-persuni.

L-Inspire timpjega madwar 140 impjegat li l-maġġoranza tagħhom huma kollha professjonisti.