L-Arċidjoċesi ta’ Malta tinnota b’dispjaċir l-istqarrija tal-kumpanija GO iktar kmieni llum, fejn intqal li l-ammont ta’ donazzjonijiet irrappurtati miġbura permezz ta’ maratoni televiżivi ġie rivedut ’l isfel b’€1.4 miljun.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, qal li kważi nofs dan it-tnaqqis, ekwivalenti għal €654,000, se jaffettwa l-pjanijiet tad-Dar tal-Providenza u l-Caritas, b’impatt dirett fuq il-ħidma matul din is-sena ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ karità tal-Knisja.
F’laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-GO Nikhil Patil, Pace Ross esprima d-diżappunt tal-Arċidjoċesi u qal li dan ma kienx il-livell ta’ servizz li l-Arċidjoċesi tistenna mill-kumpanija GO. Filwaqt li fehem l-ispjega teknika li ngħatat, Pace Ross qal li hemm bżonn li l-kumpanija jkollha sistemi aktar robusti fis-sistema tad-donazzjonijiet biex żbalji bħal dawn ma jerġgħux isiru.
L-Arċidjoċesi ħadet nota tal-apoloġija li saret mill-GO, u tħares ’il quddiem biex il-kumpanija ssarraf l-impenn tagħha f’għajnuna lid-Dar tal-Providenza u lill-Caritas.
//= $special ?>