Ambjent Lokali

L-ERA tikkonferma li x-xogħlijiet kontroversjali f’Kemmuna ser ikomplu

L-Awtorità għall-Ambjent (ERA) ikkonfermat li x-xogħlijiet li kienu qed isiru mill-Gvern f’Kemmuna kienu mingħajr approvazzjoni tal-istess awtorità. L-ERA kkonfermat ukoll li x-xogħlijiet li kienu qed isiru għamlu ħsara fiż-żona.

Dawn ix-xogħlijiet kienu bdew f’Kemmuna mingħajr permess u kien biss wara li intervjena l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliema għall-Ambjent Robert Cutajar, li l-ERA ħadet azzjoni.

Robert Cutajar – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent

Issa, il-Bord tal-ERA ħa d-deċiżjoni li dan ix-xogħol kontroversjali f’Kemmuna jista’ jkompli fuq il-bażi li l-kontinwazzjoni proposta tax-xogħlijiet “tinkludi miżuri ta’ mitigazzjoni biex titrażżan il-ħsara ambjentali u biex jitkomplew ix-xogħlijiet b’mod li ma jaffettwax l-integrità naturali taż-żona.”

L-ERA qalet li għamlet evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fis-sit u imponiet kundizzjoni ta’ permess speċifiku biex tipprovdi ‘Pjan ta’ Restawr’ għal xogħlijiet ta’ rimedju fuq iż-żona li kienet milquta minn xogħlijiet li saru s’issa u qabel il-ħruġ tal-permess ambjentali.

Il-Gvern għandu xahar ċans biex jirranġa l-ħsara li saret fiż-żona milquta u l-ERA ordnat li din iż-żona terġa’ tirritorna fl-istat naturali preċedenti tagħha. Dawn ix-xogħlijiet, issa se jiġu mmonitorjati mill-qrib minn espert ekoloġiku.

Dan il-każ, flimkien ma’ numru ta’ każi oħrajn qed jiġu investigati mill-Ombudsman wara rapport li sar mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar.