Lokali Parlament

L-Istat obbligat jiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna li l-Istat obbligat jiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal.

Fil-parlament Adrian Delia tkellem dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem qabel it-18-il sena u wara t-18-il sena. Fost id-drittijiet qabel it-18-il sena hemm dawk li jitwieldu mat-twelid u anki qabel it-twelid; mal-konċepiment tal-ħajja.

Dawn huma drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-persuna fosthom id-dritt tal-ħajja li ma jfissirx li l-bniedem għandu dritt ma jinqatilx iżda jmur lil hinn minn dan. Fost dawn hemm id-dritt tas-saħħa, għall-familja u għall-edukazzjoni. Dawn kollha huma drittijiet li jitwieldu mal-bniedem.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun assigurat li t-tfal kollha jkollhom il-wens meħtieġ biex jiżviluppa fl-aqwa persuna possibbli. Hu sostna li l-liġi qed tidħol fl-umanità tal-persuna fil-kuntest tal-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal.

L-Istat għandu jaċċerta li d-deċiżjoni dwar min jieħu ħsieb it-tfal ma tkunx waħda ta’ darba għaliex iċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu tul is-snin; għalhekk dan għandu jkun rapportat ukoll.

Adrian Delia tkellem dwar id-drittijiet tan-nanniet li jiġu mċaħħda milli jaraw lin-neputijiet tagħhom u qal dawn qed isofru fil-kwiet għaliex jekk jitkellmu jkunu qed joħolqu iktar inkwiet.

It-telliefa f’dawn iċ-ċirkostanzi huma dejjem it-tfal, sostna Adrian Delia, li appella biex jinħolqu strutturi li l-ewwel jipprovaw jipprevenu milli jseħħu ċ-ċirkostanzi għalkemm dawn se jseħħu żgur.

Għalhekk jeħtieġ li jinħolqu l-professjonijiet u l-istrutturi li jagħtu l-wens. Hu staqsa jekk għat-tfal għandhomx dejjem jitkellmu l-adulti għaliex it-tfal għandom dritt jitkellmu. Dan joħloq periklu għaliex it-tfal għandhom id-dritt tat-tfulija tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-għajnuniet preżenti għandhom jittejbu iżda għandu jkun aċċertat li l-ulied igawdu d-drittijiet tagħhom b’mod garantiti. Id-diskussjoni huq l-ambjent għandha tkun waħda b’viżjoni għall-futur biex huma jkollhom pajjiż aħjar mil-lum.

It-tfal għandhom ukoll dritt għat-tagħlim, sostna Adrian Delia, li tkellem ukoll dwar is-salvagwardja tad-drititjiet tat-tfal għat-tgawdija tal-ġenituri, tan-nanniet u t-tfulija. Dan għandha dritt niggarantixxuh, sostna d-deputat Nazzjonalista.