Lokali Parlament

L-urġenza fil-każi ta’ tbatijiet għat-tfal u l-ġenituri fis-separazzjoni trid tingħata prijorità

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-urġenza fil-każi ta’ tbatijiet għat-tfal u l-ġenituri fis-separazzjoni trid tingħata prijorità.

Fil-parlament David Thake qal li l-Istat hu obbligat li jipproteġi lit-tfal mill-konċepiment sal-perjodu li jsiru adulti. Hu tkellem dwar il-problema tan-nuqqas ta’ aċċess tat-tfal minn parti lill-ieħor; dan hu l-akbar kastig fuq it-tfal.

Din hi realtà li l-pajjiż għandu jieħu bl-akbar serjetà u għandu jwettaq il-bidliet neċessarji immedjatament. Il-proċeduri tal-qorti jieħdu ħafna żmien; li jidhru ħafna ikbar għall-wild li ma jkunx jista’ jara lill-ġenitur tiegħu.

Dan joħloq ukoll diffikultajiet kbar għat-tfal li jkunu mċaħħda milli jaraw lill-ġenituri tagħhom. Hu tkellem ukoll dwar il-mod kif l-investigazzjonijiet tal-pulizija fil-konfront ta’ rapporti foloz isiru b’mod differenti u sostna li l-Qorti tal-Familja tagħti l-impressjoni li min jirbaħ fil-fatt ikun qed jieħu kollox.

Il-qrati ma jagħtux biżżejjed importanza għall-fatt li t-trobbija tat-tfal tkun immaniġġjata bejn żewġ persuni bl-istess importanza.

Ċertu qrati għadhom jemmnu li t-tfal għandhom imorru jorqdu għand ġenitur tul il-ġimgħa u għand ġenitur ieħor fi tmiem il-ġimgħa; din mhix l-aħjar sistema għaliex għandu jkun hemm ftehim amikevoli bejn il-partijiet. Min qed jipprova jħarrex lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor għandu jkun sanzjonat biex id-drittijiet tat-tfal ikunu protetti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għad hawn l-impressjoni li l-mara hi dik il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal waqt li r-raġel tajjeb biex imur jaqla’ l-flus; dan mhux minnu għaliex ir-realtà hi differenti.

Dawn id-deċiżjonijiet jagħmlu ħsara kbira lill-ġenituri u l-bidliet li qed isiru fid-dinja għandhom ikunu riflessi fid-digrieti tal-qorti.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-każi ta’ persuni li għandhom diffikultajiet biex jaraw lit-tfal tagħhom u għandhom biss aċċess limitat għal ftit minuti fil-ġimgħa. L-urġenza trid tingħata l-importanza għaliex l-urġenza ta’ dawn il-ġenituri trid tingħata prijorità assoluta.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake tkellem dwar il-persuni li jbatu mis-cystic fibroses u qal li kien għamel appell biex il-gvern jibqa’ jagħti l-mediċina. Hu qal li kien ta’ sodisfazzjon li ftit ġranet wara l-Prim Ministru ħabbar li kien se jdaħħal din il-mediċina.

David Thake qal li kien tkellem ma’ persuni li qed ibatu minn din il-marda li qed jgħidu li l-offerta għall-mediċina tgħalaq fl-20 ta’ April u li sal-aħħar ta-Mejju jew bidu ta’ Ġuju jidbew jaslu l-mediċini.

Dawn il-persuni qed ibatu konsegwenzi kbar kull ġurnata minħabba n-nuqqas ta’ din il-mediċina. Hu staqsa kif ma ngħatatx direct order biex tinxtara din il-mediċina u qal li kien tkellem mal-Prim Ministru dwar dan li wiegħdu li dawn il-miżuri se jsiru imemdjatament.