Futbol Sport

PSG fis-semifinali minkejja li jitilfu kontra Bayern

(Ritratt: EPA)

PSG kisbu post fis-semifinali tal-UEFA Champions League minkejja li tilfu t-tieni leg kontra Bayern Munich 1-0 bil-konfront jintemm b’aggregate ta’ 3-3, bit-tim minn Pariġi jikkwalifika permezz tal-gowls skorjat away.

Minkejja li Bayern Munich iddominaw il-pusses tal-ballun, kienu PSG li ħolqu l-ewwel periklu meta minn azzjoni personali fis-37 minuta, l-konklużjoni ta’ Neymar ħabtet mal-mimduda. Ftit tal-minuti wara, PSG għal darb’oħra perikolużi meta Mbappe għadda lejn Neymar bil-Brażiljan għat-tieni darba jkun mċaħħad mil-lasta. Kontra x-xejra tal-logħob, kienu Bayern Munich li fetħu l-iskor fl-40 miuta meta l-konklużjoni ta’ Kingsley Coma kienet salvata parzjalment minn Keylor Navas, bl-attakkant ta’ Bayern ERIC-MAXIM CHOUPO-MOTING jogħla fuq kulħadd u jixħet ġewwa b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Fit-tieni taqsima Bayern ħarġu fuq l-offeniva, bil-konklużjoni minn tarf il-kaxxa ta’ David Alaba tgħaddi ftit barra. Fil-51 minuta minn azzjoni tajba bejn Mbappe u Di Maria, dan tal-aħħar jilgħab lejn Neymar li mill-viċin naqas milli jikkonkludi. Mbappe ħaseb li għalaq il-konfront meta wara li rċieva pass fit-tul daħal fil-kaxxa u kkonkluda għal wara Neuer bl-assistent referee jkun pront u jgħolli l-bandiera għall-offside. PSG għarfu jagħlqu l-ispazzji sat-tmiem biex b’hekk eliminaw lill-‘holders’ tal-kompetizzjoni.