Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara argument fil-Marsa

Ritratt mill-Arkivji

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara argument li seħħ fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa. L-argument seħħ għall-ħabta tal-10.30pm tal-bieraħ.

Mill-ewwel indikazzjonijiet qed jidher li raġel ta’ 35 sena li jgħix iż-Żurrieq, kien safa’ aggredit b’oġġett bil-ponta u li jaqta’ minn raġel ta’ 32 sena li jgħix San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lir-raġel lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Intant, aktar tard matul il-ġurnata l-pulizija stqarret li arrestat lir-raġel ta’ 32 sena b’rabta ma’ dan il-każ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.