Internazzjonali

Stati Uniti: Minnesota: Arresti fost l-inkwiet wara l-qtil ta’ raġel iswed ieħor mill-pulizija

Il-belt ta’ Minnesota għaddiet minn lejla oħra ta’ ġlied u inkwiet wara l-qtil ta’ raġel iswed mill-pulizija. Il-pulizija, intant, qed jinsistu li l-vittma – Daunte Wright ta’ 20 sena – miet mill-ġrieħi li ġarrab wara li pulizjotta użat arma tan-nar fuqu meta ħasbet li, fil-fatt, kienet qed tuża taser biex tikkontrollah.

Il-vittma kien twaqqaf mill-pulizija nhar il-Ħadd wara li kiser il-liġijiet tat-traffiku u fejn spiċċa ‘jikkonfronta lill-uffiċjali tal-liġi’ meta prova jmur lura fil-karozza. Intant, il-pulizjotta ħarġet l-arma tan-nar bi żball meta fil-verità riedet ‘tinnewtralizza lil Wright bit-taser’ u fejn indunat b’dak li għamlet meta kien tard wisq.

L-uffiċjal tal-pulizija li qatlet lil Wright kienet indentifikata bħala Kim Potter li ilha taħdem mal-Pulizija ta’ Brooklyn Center għal 26 sena.

Intant, folol ta’ dimostranti fi Brooklyn Center fl-aħħar sigħat sfidaw curfew fiz-zona u waddbu l-oġġetti lejn il-pulizija li wieġbu bil-flash grenades u l-gass tad-dmugħ.

Kienu arrestati talanqas 40 persuna waqt l-inċidenti li qed jispikkaw fi żmien meta, fl-Istati Uniti, qed ikompli l-proċess tal-qorti għall-pulizija, Derek Chauvin, li hu akkużat bil-qtil ta’ George Floyd, raġel iswed ieħor  ta’ dixxendenza Afrikana, li kien seħħ f’Mejju li għadda f’Minnesota.