Lokali

Carmelo Abela ħati li għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, sab li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi.

Dan hekk kif kampanja ta’ pubbliċità ikkumissjonata mill-Ministru Abela għal gwadann politiku tiegħu swiet €7,012.97 – reklam li deher fil-maġġoranza tal-ġurnali tal-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2020 bit-tir evidenti li jippromwovi lill-Ministru.

Filwaqt li l-Kummissarju investiga l-każ wara li kien twettaq ilment mill-President tal-għaqda volontarja Repubblika, Robert Aquilina, huwa kkonkluda li l-Ministru qatt ma messu talab lill-uffiċjali pubbliku sabiex japprovaw l-infieq għal dan l-iskop.

Għaldaqstant, il-Kummissarju għall-Istandards ssottometta r-rapport tiegħu lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fis-17 ta’ Marzu 2021, u fl-14 ta’ April il-Kumitat qabel li r-rapport għandu jiġi ppubblikat.

Dan filwaqt li ġie preċiżat li huwa fid-diskrezzjoni tal-Kumitat sabiex jikkunsidra x’rimedju għandu jittieħed.