Lokali

“Din wirja ċara ta’ Governanza fqira – aħna mhux il-kriminali”

L-għaqdiet tal-volontarjat jesprimu l-għadab tagħhom għal-liġi introdotta mill-Gvern Laburista

Din il-legal notice qed iġġibna f’sitwazzjoni impossibli, ħadd ma jista’ jippretendi li l-NGOs waħedhom possibli li jkollhom din it-tgħobijja kollha fuqhom ta’ xogħol amministrattiv li qed jiġu mitluba…qisu aħna l-kriminali. Mhux l-NGOs għandhom jagħtu r-risposti fuq il-ħasil ta’ flus.

Sostniet dan il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca waqt open dialogue virtwali organizzat mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fejn diversi rappreżentanti ta’ numru ta’ NGOs esprimew it-tħassib tagħhom bil-liġi l-ġdida li ħareġ l-Gvern ta’ Robert Abela.

Marie Louise Coleiro Preca insistiet li ma jistax li l-Organizzazzjonijiet Non Governattivi nkomplu ngħaffġuhom iżda għandna d-dmir li nsaħħuhom. Dan filwaqt li sostniet li b’vuċi waħda jridu jkunu insistenti f’din il-kwistjoni sabiex jaslu biex jikkonvinċu lill-Awtoritajiet għax fi kliemha, din mhux kwistjoni ta’ one size fits all. Hija temmet tgħid li l-NGOs ma jridux taħwid iżda għajnuna.

Dan filwaqt li bosta komplew juru l-għadab tagħhom għal din id-deċiżjoni, b’liġi ġdida mingħajr konsultazzjoni mas-settur. Numru ta’ parteċipanti minn kull sfera ta’ volontarjat stqarrew li filwaqt li huwa imperattiv li jkun hemm trasparenza f’kull qasam ma tistax tixħet aktar piż fuq iż-żgħir.

Huma saħqu li ż-żieda qawwija fil-burokrazzija, apparti li ser tkun qed iżżid l-ispejjeż tal-NGOs se tkun ukoll qed tnaqqas il-motivazzjoni tal-persuni sabiex jipparteċipaw f’dan il-qasam għad-detriment tas-soċjetà Maltija b’uħud jisħqu diġà li b’dan l-andament ‘might aswell’ jagħlqu.

Oħrajn saħqu li jinsabu xettiċi kemm il-kriminali tad-droga se jkunu qed jaħslu flushom fil-bramel tal-karità li ssib fuq il-bank tal-ħanut tal-merċa filwaqt li insistew li jekk il-Gvern mingħalieh li se jgħeleb l-atmosfera ta’ impunità bl-introduzzjonijiet ta’ liġijiet bl-addoċċ.

Huma tennew jgħidu li minflok ġew murija r-rispett, b’mod mill-aktar offensiv, iż-żgħażagħ u l-persuni li ta’ kuljum jiddedikaw il-ħin tagħhom għal volontarjat ġew trattati bħal kriminali.

Il-Kelliema saħqu li din hija wirja ċara ta’ Governanza fqira minn Gvern li minn nejja jmur għal maħruqa mingħajr lanqas biss ikollu d-diċenza li jikkonsulta mal-Organizzazzjonijiet.

Fost dawk li pparteċipaw kien hemm SOS Malta, il-Fondazzjoni Richmond, Right2Smile, nies involuti fil-każini tal-baned, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u oħrajn.