Futbol Sport

Draw f’Anfield biżejjed biex ipoġġi lil Real Madrid mal-aħħar erbgħa

(Ritratt: EPA)

Real Madrid kwalifikaw għal mal-aħħar erba’ timijiet fil-UEFA Champions League meta temmew fi draw ta’ 0-0 f’Anfield kontra Liverpool wara li fl-ewwel leg l-Ispanjoli rebħu 3-1. Liverpool fetħu fuq l-offfenisva u wara tliet minuti setgħu fetħu l-iskor meta minn pass fit-tul ta’ Ozan Kabak, kien Mohamed Salah li ra l-konklużjoni tiegħu tkun salvata b’mod tajjeb minn Courtois. Liverpool kellhom opportunità oħra tajba li jiftħu l-iskor meta minn cross fil-baxx ta’ Trent-Alexander Arnold, Georgino Wijnaldum minn pożizzjoni tajba xeħet għoli.

Fit-tieni taqsima, Liverpool għal darb’oħra fuq l-offensiva, u fis-46 minuta x-xutt ċentrali ta’ Firmino kien salvat minn Courtois. L-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Real Madrid wasslet fil-81 minuta meta minn cross ta’ Militao, kien Karim Benezma li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit għoli mil-lasti ta’ Alisson, biex b’hekk il-partita ntemmet f’riżultat ta’ 0-0, riżultat li seta’ jkun differenti kieku Liverpool għarfu jieħdu ċ-ċansijiet li ħolqu matul il-partita. Fis-semifinali Real Madrid jilgħabu kontra Chelsea.