Kummerċ Lokali

GVERN REATTIV: ristoranti u barijiet fl-għama, lis-sidien tas-self catering “stennew”

Għal darboħra il-Gvern fl-aħħar jiem reġa’ kkonferma kemm qed ikun reattiv wara li qed jinsa barra diversi oqsma fl-ippjanar tiegħu.

Għall-mistoqsija dwar il-ftuħ tar-ristoranti u l-barijiet, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Clayton Bartolo ta konferma ċara li dawn in-negozjanti intesew għalkollox mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Dan is-sit staqsa lill-Ministru għal data speċifika meta se jiftħu dawn l-istabbilimenti, u jekk m’għandux data, tlabnih jgħidilna x’inhu l-kejl li se jkun qed juża’ l-Gvern biex jirrilassa l-miżuri fil-konfront tagħhom – jekk hux in-numri ta’ każi ġodda, dawk fl-ITU jew xi tip ta kejl ieħor.

Madankollu, il-Ministru la ta datau wisq anqas ma qal x’inhu l-kejl li se juża’ għall-ftuħ ta’ dawn l-istabbilimenti. Anzi indika ċar li m’għandu l-ebda tip ta’ direzzjoni meta qal li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet, u kif ikollu xi forma ta’ direzzjoni jgħadduha mill-ewwel lis-sidien tar-ristoranti u l-barijiet.

Minsija wkoll il-qasam tas-self catering meta tfassal il-pjan ta’ rkupru għall-qasam turistiku. Filfatt, meta ħabbar l-iskema ta’ għajnuna, il-Ministru ħalla barra lis-sidien ta’ propjetajiet tal-vaganzi self catering mill-iskema ta’ sussidju.

Issa l-Ministru inkixef li kien qed ikun reattiv, tant li se joħroġ skemi oħrajn iżda talab lil dawk milqutin biex jistennew naqra oħra.

Sadanittant, wara li t-Tnejn li għadda t-Tobba tal-Emerġenza esprimew it-tħassib kbir tagħhom għall-fatt li qed ikunu rriklamati attivitajiet tal-masssa għas-Sajf li ġej, u qalu li l-Gvern ma kien tgħallem xejn mis-sena l-oħra, staqsejna lil Bartolo x’inhi l-pożizzjoni preżenti dwar dawn l-attivitajiet.

Iżda l-Ministru għażel li din il-mistoqsija jaqbiża għal kollox.