Lokali Parlament

Il-gvern falla fil-protezzjoni tal-ambjent; jeħtieġ kuxjenza qawwija

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-gvern falla fil-protezzjoni tal-ambjent; jeħtieġ kuxjenza qawwija.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li entitajiet tal-gvern qed jidbew xogħolijiet bla permess u sostna li dan hu ksur tal-kostituzzjoni f’sitwazzjoni fejn il-gvern falla milli jsib il-bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp. Hu kompla li l-gvern qed ikun l-awtur ewlieni fil-ksur tal-liġijiet tal-pajjiż u spjega kif hu ressaq disa’ każi li fihom kien hemm ksur ovvju tar-regoli ambjentali.

Fost dawn kien hemm ix-xogħlijiet f’Kemmuna fejn il-Ministeru għal Għawdex naqas mir-responsabbiltajiet tiegħu. Mhux minnu li dan kien xogħol ta’ emerġenza għaliex ix-xogħol mitlub mill-ministeru sentejn ilu kien imur kntra r-regoli għaliex Kemmuna hi sit protett ta’ Natura 2000.

Robert Cutajar kompla li l-ministeri qed jingħataw offerti anki qabel il-permessi jkunu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Hu qal li lanqas l-ERA ma kienet approvat dawn ix-xogħlijiet u għalhekk ma kellhiex tkun l-Oppożizzjoni li tmur quddiem l-Ombudsman, li ddikjara li se jkun diffiċli li Kemmuna terġa’ tirritorna għal dak li kienet qabel minħabba dawn ix-xogħijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li x-xogħijiet f’Kemmuna m’għandhomx jitkomplew jekk ma jkunx hemm il-permessi kollha.

Hu tkellem dwar ix-xogħlijiet riċenti għall-ftuħ ta’ triq f’Ħad Dingli fejn Infrastructure Malta tibqa’ tabbuża mir-regoli anki minkejja l-kritika tal-għaqdiet ambjentali.

Il-permessi li qed jingħataw huma bla rażan, sostna Robert Cutajar, li kompla li f’Ħad Dingli, Infrastructure Malta marret bi skrittura privata biex jagħmlu ftehim mas-sidien tal-artijiet f’Ħad Dingli meta dan suppost isir mid-Dipartiment tal-Artijiet.

Il-Whip Nazzjonalista kompla li l-valur tal-ambjent għandu jkun salvagwardjat u għalhekk tniżżel fil-kostituzzjoni. Hu semma’ l-Magħtab fejn il-gvern irid jagħmel erba’ proġetti bla ma għandu l-istudji f’idejh; il-gvern se jitfa’ l-proġetti kollh f’żona waħda b’effetti negattivi fuq il-bdiewa, ir-residenti u ż-żona tal-madwar fejn se ssir ċumnija ta’ 60 metru.

Il-gvern falla fid-dati stabbiliti fil-proġetti relatati mal-iskart fil-Magħtab u f’Ħaf Far, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-iskart riċiklat fid-djar qed jitħallat fil-Magħtab.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li taħt gern Nazzjonalista fl-201/11 il-miri ambjentali kienu intlaħqu u qatt ma kien hemm kundanni mill-Awditur Ġenerali kif seħħ illum.

Hu semma’ l-ħruq tal-Impjant Sant’Antnin, Robert Cutaar qal li hemm dubju jekk dan kienx inċident iżda fuq kollox din kienet konferma kemm l-impjanti m’għandhomx jitpoġġa kollha fl-istess post. Il-pajjiż m’għandux bżonn il-kobor tal-inċineratur propost mill-gvern għalhekk il-gvern irid jispjega kif wasal għal dawn il-konklużjonijiet.

Robert Cutajar qal li l-gvern ġab falliment fis-settur tal-ambjent u għalhekk il-gvern għandu jkun bil-għaqal fid-deċiżjonijiet meħuda. Hu sostna li fl-emerġenza fit-tibdil fil-klima, il-gvern ġab falliment u ma kkunsidrax il-mozzjoni li kienu ressqu ż-żgħażagħ fil-parlament.

Malta tinsab fuq in-naħa l-ħażina u l-gvern qed idum biex jieħu d-deċiżjonijiet dwar it-tniġġiż tal-ajru minħabba diversi fatturi fosthom il-kostruzzjoni bla rażan. Jeħtieġ li jinħolqu inċentivi li jikkontribwixxu għall-ekonomija l-ħadra.

Robert Cutajar semma’ s-Central Link u qal li ma kienx hemm bżonn li jitqaċċtu numru kbir ta’ siġar. Hu tkellem favur il-konsultazzjoni biex ma tintilifx iktar raba’. Il-gvern qed jagħżel li fil-wesgħat pubbliċi, fosthom f’Ta’ Qali, ma jagħmilx il-konsultazzjoni neċessarja. Hu staqsa fl-interess ta’ min qed isir dan il-proġett li qed joħloq dubji.

Robert Cutajar semma’ l-marina tax-Xemxija u qal li nħarġet offerta għal din il-marina iżda mhux ċar kif inħarġet din l-offerta, għad m’hemmx permessi approvati għal dawn il-proġetti fiż-żona. Il-membri tal-bordijiet għandhom iħarsu biss l-interessi tal-pajjiż.

Hu appella lis-sindki ta’ Malta biex jagħmlu bħal dawk ta’ Għawdex u joħolqu kuxjenza dwar il-ħarsien għall-ambjent. L-ekonomija u l-ambjent għandhom bżonn xulxin. Il-gvern m’allokax rangers għall-Park tal-Majjistral li fih tliet kilometri u r-rangers li hemm kellhomx jixtru l-uniformijiet huma.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Perit Richard England iddikjara li l-ħolm dwar l-ambjent issa sar ħolm ikrah.