Ftit aktar minn ġimgha ilu, grupp ta’ kmamar tal-aħbarijiet li jinkludu t-Times of Malta u r-Reuters żvelaw li l-kumpanija sigrieta bl-isem ta’ Macbridge infetħet mill-familja ta’ Cheng Chen.

Dan ċ-Ċiniż kien il-moħħ wara d-deal tal-windfarms tal-Montenegro – windfarms li l-poplu Malta ħallas mal-€10,000,000 għalihom. Hu kien ukoll marbut direttament mad-deal bejn il-BWSC u Shanghai Electric; deal li qed jiswa’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro KULJUM. Dawn iż-żewġ deals kellhom il-barka tal-Gvern Laburista.

Illum nafu ftit jew wisq x’kien l-iskop tal-kumpanija Macbridge, li rċeviet miljun Ewro mingħand Yorgen Fenech, u li minn naħa tagħha allegatament kellha tgħaddi flus lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville ta’ Keith Schembri u Konrad Muscat.

Iżda minkejja dak kollu li ħareġ s’issa fil-media, il-Gvern jibqa’ determinat li dawn id-deals skandalużi iżommhom, kif ikkonfermat il-Ministru Miriam Dalli.
Filfatt, mistoqsija x’se jkun qed jagħmel issa l-Gvern Laburista, fl-isfond ta’ dan kollu, il-Ministru f’nifs qalet li tikkundanna lil min għamel użu ħażin mit-taxxi tal-poplu, imbagħad qalet li l-proġetti marbuta ma’ dan is-serq huma distinti mir-reati marbuta intrinsikament magħhom.

Li d-deal tal-windfarms tal-Montenegro kien wieħed dubbjuż ilna nafuh… u li d-deal tax-Shanghai kien mimli suspetti, ilna nafuh ukoll.
Madankollu, il-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela qed iżomm il-kontinwazzjoni li kien wiegħed u qed jikkkonferma li dak li approva l-predeċessur tiegħu Joseph Muscat se jibqa’ jsostnih hu wkoll.
