Lokali

Il-Gvern mhux veru jrid jagħti aktar opportunitajiet lin-nisa permezz ta’ parteċipazzjoni sħiħa fil-politika – PN

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni wara d-diskussjonijiet fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta' Liġi dwar il-mekkaniżmu elettorali korrettiv

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinnota li l-Gvern fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġi fil-Parlament għażel li jwarrab u jinjora għal kollox l-emendi li hija ressqet għall-emenda kostituzzjonali li ppropona l-Gvern sabiex ikun hemm bilanċċ rappreżentattiv bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament.

Hekk sostnew id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Claudette Buttigieg, Hermann Schiavone u Joseph Ellis fejn spjegaw li dawn l-emendi tal-Oppożizzjoni kienu ntiżi sabiex jassiguraw li l-emenda kostituzzjonali tkun tassew inklussiva u li tagħti għalhekk opportunita’ ikbar ta’ inklużjoni lin-nisa fil-ħidma politika u parlamentari.

Huma saħqu li l-emendi tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienu ntiżi biex jassiguraw illi l-mekkaniżmu korrettiv jaħdem fi kwalunkwe’ ċirkustanza, anke’ f’każ li jitla’ t-tielet partit jew membru indipendenti fil-Parlament u b’mod immedjat billi jsiru l-elezzjonijiet każwali immedjatament wara li jitlesta l-proċess tal-għadd tal-voti.

B’hekk, aktar nisa jkollhom l-opportunità li jintagħżlu u jservu fil-Kabinett tal-Ministri mill-ewwel.

Dan filwaqt li ġie spjegat li l-Gvern pero’ bis-soltu mod arroganti tiegħu u mingħajr ebda ġustifikazzjoni ta’ xejn, ivvota kontra l-emendi tal-Oppożizzjoni.

“Hija ħasra li f’mument daqshekk storiku l-Gvern injora l-appelli li saru biex ikollna emenda kostituzzjonali b’saħħitha u li taħdem fiċ-ċirkostanzi kollha.”

Minkejja dan, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tivvota favur din l-emenda
kostituzzjonali u mhux se tħalli l-aġir arroganti tal-Gvern ixekkel aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.