Futbol Sport

Il-kumitat ta’ Marsa FC mistenni jirriżenja

Il-kumitat tal-klabb ta’ Marsa FC mistenni jirriżenja fil-jiem li ġej hekk kif il-klabb ma qabilx mad-deċiżjonijiet tal-Eżekuttiv tal-MFA.

Għalkemm fl-Eżekuttiv ta’ lbieraħ jidher li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali, iżda kien hemm qbil li l-klabbs jaslu għal ftehim bejniethom, l-indikazzjonijiet huma li se jiġu relegati Żejtun Corinthians, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Senglea Athletic, ma jkunx hemm promozzjonijiet u miċ-Challenge League jiġu relegati biss Qormi FC.

Fl-isfond ta’ dan, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, Żejtun Corinthians diġa ħabbru li d-deċiżjoni ta’ llum tal-Eżekuttiv tfisser li l-klabb se jiġi relegat. Sadattant ilbieraħ id-Dipartiment tal-Kompetizzjonijiet ippreżenta proposta b’rabta mal-format tal-istaġun li ġej 2021/22 bil-għan li il-Kampjonati Lokali jirritornaw għal kompożizzjoni regolari mill-istaġuni ta’ wara.

Marsa FC, f’ittra uffiċjali lill-MFA, kienu wissew li n-nuqqas ta’ promozzjoni tagħhom se tħalli riperkussjonijiet serji fuq il-klabb, hekk kif jitħarbat proġett fit-tul u qed jirriskjaw li jitilfu diversi sponsors.