Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jsaħħaħ l-Iskola Nazzjonali tal-Isport – Bernard Grech

F’pajjiżna teżisti dedikazzjoni kbira lejn l-isport, kemm mill-atleti Maltin u Għawdxin, kif ukoll mill-Coaches, mill-Amministraturi u anke mill-organizzazzjonijiet sportivi.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, fejn intlaqa’ mill-President tal-ASA Joe Caruana Curran.

Bernard Grech seta’ jsegwi mill-qrib it-taħriġ ta’ wieħed mit-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ tal-waterpolo u anke tkellem mal-Coach Anthony Farrugia, kif ukoll ma’ uħud mill-plejers tal-istess tim.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-impenn u d-determinazzjoni, daqskemm is-serjetà matul it-taħriġ. Hu faħħar ukoll ir-riżultati ta’ suċċess li qed joħorġu mill-Iskola Nazzjonali tal-Isport – li kienet inawgurata fl-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista – partikolarment bil-bilanċ adattat bejn it-taħriġ fl-isport u l-istudju akkademiku.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipprepara proposti biex din l-Iskola tissaħħaħ aktar, anke għal dawk li għandhom sfidi akkademiċi.

Min-naħa tiegħu, Joe Caruana Curran qal li l-Istat irid jara li l-edukazzjoni sportiva ma tieqafx sa 15 jew 16-il sena, iżda li dawn iż-żgħażagħ jkomplu jkunu segwiti fis-snin ta’ wara wkoll.

Anke l-plejers li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista appellaw għal aktar rieda u impenn politiku f’investiment għall-edukazzjoni sportiva, f’perjodu li fih l-isportivi qed jinsistu li dan mhux sempliċi hobby u bil-Partit Nazzjonalista kommess li jeleva l-Isport ghal Ministeru.

Matul iż-żjara, Bernard Grech iltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi, li tenniet l-importanza li l-kompetizzjonijiet ikomplu mill-aktar fis possibli għax hu biss grazzi għal dan li jitla’ l-livell tal-plejers tagħna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-ASA, lil SportMalta u lil dawk involuti – għan-nom tal-poplu kollu – għall-impenn u l-ħidma tagħhom b’risq iż-żgħażagħ tagħna. Dan fil-preżenza wkoll tal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.

Iż-żjara ntemmet bi preżentazzjoni li Joe Caruana Curran għamel lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.