Internazzjonali

Imut Bernie Madoff – il-moħħ wara wieħed mill-akbar każi ta’ frodi

Tħabbret il-mewt tal-finanzjatur u investitur Amerikan Bernie Madoff fl-età ta’ 82 sena.

Dan hekk kif kien qed jiskonta sentenza ta’ 150 sena priġunerija wara li lura fl-2009 kien ammetta akkużi ta’ frodi – hekk kif kien qed imexxi l-akbar Ponzi scheme fl-istorja Amerikana.

Dan kollu ħareġ waqt il-kriżi finanzjarja tal-2008.

Intant, l-avukat ta’ Madoff sostna li sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu huwa baqa’ jgħix bir-rimors għar-reati li wettaq.

Fost il-persuni li ġew frodati kien hemm l-atturi u diretturi tal-films kif ukoll edukaturi, bdiewa qalb diversi familji Amerikani fejn b’kollox huwa stmat li l-klijenti ġew ffrodati mal-$65 biljun.

Fl-2017 l-istorja ta’ Bernie Madoff ġiet irrakkontata fil-film “The Wizard of Lies” – bl-irwol ta’ Madoff jiġi interpretat mill-attur Robert De Niro.