Lokali Qorti

Is-sentenza fil-konfront ta’ tnejn mill-akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace għal Lulju

Is-sentenza fil-konfront ta’ Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira akkużati bil-qtil involontaju ta’ Miriam Pace mistennija tingħata f’Lulju li ġej mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Il-provi fil-konfront tagħhom intemmu wara lj ġie preżentat s-social enquiry report dwar l-inċident. Il-mira hi li s-sentenza tingħata fl-1 ta’ Lulju li ġej madankollu jekk il-partijiet u l-Qorti ikollhom bżonn aktar żmien, is-sentenza tingħata fis-16 ta’ Lulju.

Il-Qorti talbet biex in-noti minn naħa tal-partijiet jiġu preżentati sal-14 ta’ Mejju minn naħa tal-Prosekuzzjoni u sal-14 ta’ Ġunju minn naħa tad-difiża. Camilleri kien il-Perit tal-proġett fis-sit biswit id-dar ta’ Miriam Pace, mentri Mangion kien is-Site Technical Officer tal-istess proġett.

Iż-żewġ akkużati l-oħra, Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ l-inċident, kienu iddeċidew li l-każ tagħhom jiġi deċiż minn ġurija fil-Qorti Kriminali.

L-erbgħa rġiel qegħdin jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, għall-ħabta tas-2.20 p.m. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Pace li kellha 54 sena.

Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjeta tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u tal-kumpanija Edu Centre Limited.

Il-ġuri fil-konfront ta’ Dimech u Spiteri skont il-liġi jrid jiġi appuntat wara li kompletament jintemm il-każ fil-konfront ta’ Roderick Camilleri u Anthony Mangion.

Iż-żewġ Periti u Dimech qed jiġu  mixlijin ukoll li għamlu dikjarazzjoni falza  f’dokument maħsub għal awtorita pubblika, l-istess żewġ periti u Spiteri li anke naqsu milli joservaw dikjarazzjoni tal-metodu relatat max-xogħol li kien għaddej mentri l-Perit

Mangion waħdu qed jiġi mixli wkoll li naqas li jkun preżenti fuq is-sit meta kienu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju dwar ħsara lil terzi persuni. Huma qed iwieġbu mhux ħatja ta’ dawn l-akkużi li dwarhom kienu qed jiffaċċjaw piena ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea li investigaw il-każ. l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Nicholas Spiteri filwaqt li għal Dimech qed jidhru l-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea.

Għall-Perit Camilleri qed jidher l-Avukat Arthur Azzopardi u l-Perit Mangion għandu jiddeffendih lill-Avukat Alfred Abela. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello qegħdin jidhru għall-familja Pace.