Lokali

Jonqsu n-nies illi qasmu l-fliegu fl-ewwel 3 xhur tas-sena – NSO

Fl-ewwel tlett xhur tal-2021 naqas l-ammont ta’ persuni li qasmu bejn Malta u Għawdex – sforz ukoll tal-firxa tal-pandemija li ilha fostna sa minn Marzu tal-2020.

Dan ġie mħabbar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn ġie spjegat li fl-ewwel kwart tas-sena kienu 710,749 it-total ta’ passiġġieri li qasmu bejn il-Gżejjer Malti – tnaqqis ta’ aktar minn 31% meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti.

L-akbar ammont irreġistrat kien fix-xahar tal-Karnival, fi Frar b’261,636 passiġġier.

Dan filwaqt li l-ivjaġġi naqsu bi ftit aktar minn 16% – b’aktar minn 6,000 wieħed.

Intant, l-aktar jiem bieżla fil-Port taċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt dan filwaqt li fil-Port tal-Imġarr l-akbar ammont ta’ passiġġieri ġew irreġistrati tul il-jiem tas-Sibt u l-Ħadd.