Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għal rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir lokali li jindikaw li l-Gvern qed iħejji pjanijiet marbuta mal-futur Air Malta u li jinkludu bidliet sostanzjali fil-mod ta’ kif topera l-kumpanija.
Permezz ta’ stqarrija l-Oppożizzjoni kkonfermat u ssostniet il-pożizzjoni tagħha favur kull għajnuna neċessarja sabiex il-linja nazzjonali ta’ pajjiżna tiġi salvata.
L-Air Malta hija parti integrali tar-raġunijiet fis-suċċess li pajjiżna kiseb fil-qasam tat-turiżmu tul is-snin. Hija toffri aċċessibbilta’ kruċjali
lejn pajjiżna, importanti wkoll fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tqassim ta’ cargo speċjalizzat.
L-Air Malta għalhekk toffri għajxien mhux biss b’mod dirett għal mijiet ta’
ħaddiem li jaħdmu magħha iżda wkoll b’mod indirett għal eluf ta’ ħaddiema illi jiddependu fuq it-turiżmu u s-servizzi finanjarji għall-għajxien tagħhom.
Fl-istqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi u l-Air Malta Mario Demarco, l-Oppożizzjoni qed tappella biex il-Gvern jikkonsulta magħha kif ukoll mal-partijet kollha kkonċernati dwar bidliet li se jħallu impatt fundamentali fuq il-futur tal-Air Malta u l-mod ta’ kif hija topera.
Dan kif kien għamel Partit Nazzjonalista fil-Gvern fl-2012 fejn
id-deċiżjonijiet ittieħdu b’konsultazzjonijiet wiesa’ ta’ kull min hu involut.
Mument bħal dan huwa verament il-waqt li l-Gvern għandu jgħaddi mill-kliem għall-fatti lil hinn mid-diskors kontinwu ta’ “għaqda nazzjonali” u “Gvern li jisma'”temmet tgħid l-Oppożizzjoni.