Lokali

L-UE se tkun is-soluzzjoni għall-Air Malta

Konferma li l-Unjoni Ewropea hi l-unika soluzzjoni li għad fadallu l-Gvern Malti biex isalva lill-Air Malta. Dan hekk kif qed ikun rappurtat li l-Gvern irid jagħti għajnuna ta’ €290 miljun lil-linja nazzjonali tal-ajru fuq medda ta’ ħames snin.

Talba bħal din normalment ma tkunx aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm kompetizzjoni ġusta. Iżda bħalissa qed issir eċċezzjoni biex setturi bħat-turiżmu u l-avjazzjoni jkunu mgħejjuna ħalli jilqgħu għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Fl-aħħar xhur, l-impjegati tal-Air Malta kellhom iħallsu għan-nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Gvern, fosthom bi tkeċċijiet u tnaqqis drastiku fil-pagi lill-piloti. Dan meta l-Gvern Laburista kien ilu snin jitfa’ l-problemi tal-linja nazzjonali tal-ajru taħt it-tapit, bi propaganda politika li taħbi l-verità.

U minkejja s-sagrifiċċji li qed jintalbu jagħmlu l-ħaddiema, fi żmien meta l-Air Malta kienet taħt il-Ministru Konrad Mizzi, il-preżentatur fuq il-media Laburista Karl Stagno Navarra kien impjegat bħala Kelliem tal-linja tal-ajru b’paga ta’ €40,000, kif ikkonferma hu stess ma’ NET News meta kien mistoqsi f’April tas-sena li għaddiet.

Matul l-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista, fl-2010, l-Air Malta kienet diġà ngħatat għajnuna ta’ €52 miljun mingħand il-Gvern bl-għan li jsir ir-ristrutturar meħtieġ. U fil-fatt, dan il-proċess kien qed iħalli l-frott.

Iżda d-direzzjoni li kienet inqabdet, tħarbtet b’deċiżjonijiet żbaljati – u li swew il-miljuni – meħudin mill-Gvern Laburista wara l-2013.