Coronavirus Internazzjonali

L-UE twaqqaf temporanjament it-tqassim tal-vaċċin tal-Johnson & Johnson

L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Uniti u l-Afrika t’Isfel waqfet temporanjament it-tqassim tat-tilqima tal-Johnson & Johnson wara li ġew irrapportati każi rari ta’ trombożi.

Kelliema għall-Awtoritajiet Amerikani spjegaw li ġew irreġistrati 6 każi ta’ trombożi minn ftit inqas minn 7 miljun tilqima mgħotija – għaldaqstant l-Unjoni Ewropea ssospendiet temporanjament it-tqassim tat-tilqima tal-Johnson & Johnson.

L-esperti sostnew li dan il-pass huwa wieħed ta’ kawtela massima wara li fl-Istati Uniti tilfet ħajjitha persuna kawża ta’ trombożi u oħra tinsab f’qagħda kritika.

Filwaqt li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini spjegat li preżentament għaddejjin l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din it-tilqima ġie spjegat li fil-jiem li ġejjin se jiġi stabbilit jekk għandhomx jerġgħu jkomplu jqassmu dan il-vaċċin jew le.

Dan kollu jfisser, komplew l-esperti, li inevitabbilment dan l-intopp isarraf għal aktar dewmien għal mira tal-herd immunity.