Futbol Sport

Man City iżommu ħajjin it-tamiet li jirbħu l-erba’ tazzi dan l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Manchester City żammew it-tamiet li jirbħu l-erba’ tazzi ħajjin meta kwalifkaw għas-semifinali tal-UEFA Champions League meta għelbu lil Borussia Dortmund 2-1 u 4-2 bl-aggregate. Borussia Dortmund kellhom bidu mill-aqwa u fis-17-il minuta fetħu l-iskor meta wara li x-xutt ta’ Mahmoud Dahoud kien parzjalment imblokkat, kien iż-żgħażugħ Inlgiż JUDE BELLINGHAM li rreaġixxa u kkonkluda għal wara Ederson fir-rokna tax-xibka biex b’hekk sar l-iżgħar player ta’ Borussia Dortmund li qatt skorja fil-UEFA Champions League u l-iżgħar player Ingliż li qatt għamel dan.

Manchester City wettqu reazzjoni u fl-24 minuta, l-konklużjoni ta’ Kevin De Bruyne ħabtet mal-wieqfa. Fit-tieni taqsima, Manchester City ħarġu jsibu l-gowl tad-draw u minn cross ta’ Phil Foden, Emre Can deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty, Minn ħdax-il metru, RIYAD MAHREZ ma żbaljax biex b’hekk it-tim ta’ Pep Guardiola reġa ħa l-kontroll tal-partita. Manchester City dawwru l-konfront favur tagħhom u aċċertaw mill-kwalifikazzjoni kwarta mit-tmiem meta kien PHIL FODEN li b’konklużjoni minn barra l-kaxxa għamilhom 2-1, bit-tim Ingliż fis-semifinali jilgħab kontra PSG.