Lokali

Mark Camilleri jitlob appoġġ biex jibqa’ jmexxi l-Kunsill tal-Ktieb

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Ktieb, Mark Camilleri talab pubblikament l-appoġġ ta’ kull kittieb u pubblikatur lokali sabiex jibqa’ jmexxi l-KNK għat-3 snin li ġejjin, Kunsill li ilu fi tmun tiegħu sa mill-2013.

Huwa insista li x-xewqa ewlenija tiegħu hija li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jerġa’ jkun jista jiġi organizzat f’Sala Repubblika ta’ Dar il-Mediterran – xewqa li sabiex iwettaqha jrid jisfida lill-Gvern b’każijiet legali.

Bil-għan li l-Kunsill jikseb l-awtonomija li tixraqlu, Mark Camilleri qed jipproponi bi sħiħ sabiex minflok il-Kap Eżekuttiv jiġi magħżul mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dan jiġi elett permezz ta’ Elezzjoni – magħżul mill-kittiebu u l-pubblikaturi Maltin u Għawdxin.

Camilleri spjega li l-pożizzjoni jista’ jikkonesta għaliha min irid, basta li l-persuna tkun kittieba jew pubblikatriċi.

Mark Camilleri insista li huwa jemmen li l-entitajiet kulturali tal-Gvern ma jistgħux ikunu mmexxija mill-appuntati tal-Gvern l-għaliex, “iridu jkunu l-artisti u l-imsieħba fil-qasam kulturali li jiddeċiedu min hu l-aħjar sabiex imexxi l-entità li tindirizza s-settur tagħhom.”

Għaldaqstant huwa talab lill-kapijiet kollha tal-entitajiet kulturali tal-Gvern sabiex minnufih jieħdu l-eżempju tiegħu, jibnu l-istrutturi demokratiċi tagħhom u, sussegwentament, jsejħu elezzjoni għall-pożizzjoni tagħhom.