Sport Sport Ieħor

Mitt jum ‘il bogħod mill-Olimpjadi ta’ Tokjo

(Ritratt: EPA)

Fadal 100 jum għall-bidu tal-Olimpjadi f’Tokjo li se jibdew fit-23 ta’ Lulju u jintemmu fit-8 ta’ Awwissu, Olimpjadi li kellhom isiru s-sajf li għadda iżda ġew posposti kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kumitat Organizzattiv tal-Olimpjadi f’Tokjo affaċċja bosta sfidi kawża tal-posponiment tal-Olimpjadi. Fl-aħħar ġimgħat, il-President tal-Kumitat Organizzattiv kellu jirriżenja wara kummenti sessissti. Mill-għadd ta’ infrastruttura, l-istadiums u l-postijiet kollha li se jospitaw dawn l-avvenimenti huma kollha lesti.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali matul ix-xhur li għaddew ħarġu sett ta’ regoli li għandhom ikunu segwiti sabiex jassiguraw li l-Olimpjadi jsiru b’suċċess u b’mod sigur fejn fost l-oħrajn, il-partitarji li se jattendu mhux se jitħallew jgħajjtu jew ikantaw. Il-kontiġenti se jkunu ristretti fin-numru tad-delegati li se jitħallew jattendu kif ukoll se jkollhom isegwu d-distanza soċjali u ttestjar regolari.

L-ivjaġġar fil-Ġappun se jkun ukoll ristrett għall-vjaġġar marbut mal-kompetizzjoni iġifieri l-atleti se jitħallew jivjaġġaw biss mill-lukandi sal-post fejn se jkunu qed jitħarrġu jew jipparteċipaw.