Lokali

Repubblika tappella biex Carmelo Abela jintalab jirrifondi l-flus pubbliċi li nefaq għal reklam għalih innifsu

Il-Parlament Malti għandu jsegwi l-proċeduri adottati f’demokraziji serji u jordna lill-Ministru Carmelo Abela jirrifondi l-flus pubbliċi li nefaq biex jagħmel reklam għalih innifsu.

Hekk qed tappella Repubblika, fi stqarrija, wara li kien ippubblikat ir-rapport tal-Kummissarju maħtur bil-Liġi biex jinvestiga ksur ta’ standars ta’ mġieba etika, li sar mill-għaqda volontarja u li sab lill-Ministru ħati li nefaq eluf ta’ ewro f’reklami biex “jimbotta d-dehra tiegħu”.

Repubblika fakkret kif il-Kummissarju rrimarka wkoll li dan ir-reklam tal-Ministru Abela ma kellu l-ebda valur informattiv għall-pubbliku jew informazzjoni dwar ix-xogħol tal-Ministeru tiegħu. Dan jorbot ma’ inċidenti oħrajn fejn Ministri abbużaw minn fondi pubbliċi biex jagħmlu reklami għalihom infushom.

Għaldaqstant, l-għaqda qalet li tistenna wkoll li l-Gvern jagħmel regoli u linjigwida biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem, partikolarment issa li qed toqrob l-elezzjoni ġenerali.